Il-Kummissjoni żvelat it-tieni parti tal-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew. L-ewwel parti, ippreżentata fis-26 ta’ Novembru, immarkat l-ewwel tnedija taċ-ċiklu ta’ implimentazzjoni skont il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika. Dan it-tieni pagament parzjali jibni fuq l-ewwel wieħed u jinkludi dan li ġej: il-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taz-zona tal-ewro għall-2025, ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, u l-proposta tal-Kummissjoni għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2025.
Is-Semestru Ewropew se jkompli jidentifika l-isfidi soċjoekonomiċi u jipprovdi gwida dwar l-azzjoni ta’ politika meħtieġa biex dawn jiġu indirizzati. Għal dan il-għan, iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2025 se jtejjeb il-bażi analitika tiegħu u jsaħħaħ id-djalogu mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra dwar azzjonijiet ta’ politika konkreti. Abbażi ta’ dan, il-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew se jipprovdi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (country-specific recommendations, CSRs) biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin speċifiċi għall-pajjiż identifikati fir-Rapporti tal-Pajjiżi.
Proposta għal rakkomandazzjoni
Ir-rakkomandazzjoni taz-zona tal-ewro tippreżenta pariri ta’ politika lill-Istati Membri taz-zona tal-ewro dwar kwistjonijiet li jolqtu l-funzjonament taz-zona tal-ewro kollha kemm hi.
Ir-rakkomandazzjoni taz-zona tal-ewro ta’ din is-sena tappella lill-Istati Membri biex jaġixxu kemm individwalment, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom, kif ukoll kollettivament fil-Grupp tal-Ewro biex itejbu l-kompetittività, irawmu r-reżiljenza ekonomika u jkomplu jiżguraw l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja.
B’mod partikolari, ir-rakkomandazzjoni titlob li:
- Tissaħħaħ l-innovazzjoni, inkluż f’teknoloġiji kritiċi.
- Jittejjeb l-ambjent tan-negozju, it-tisħiħ tal-aċċess għall-finanzjament u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-kumplessità regolatorja.
- Jiġi appoġġat l-investiment pubbliku u privat f’oqsma ta’ prijoritajiet komuni, bħat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-bini ta’ kapaċitajiet ta’ difiża.
- Jiġi promoss it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, filwaqt li titkompla ż-żieda tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.
- Tiġi żgurata l-konformità mal-qafas fiskali l-ġdid, it-titjib tas-sostenibbiltà tad-dejn u l-monitoraġġ tar-riskji għall-istabbiltà makrofinanzjarja.
Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija
Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija (Alert Mechanism Report, AMR) iservi bħala għodda ta’ skrinjar biex jiġu identifikati l-iżbilanċi makroekonomiċi potenzjali li jista’ jkollhom impatt fuq l-ekonomija tal-Istati Membri individwali jew tal-UE kollha kemm hi. Dan jimmarka l-bidu taċ-ċiklu annwali tal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku, filwaqt li jenfasizza liema Stati Membri jeħtieġu analiżijiet fil-fond biex jiġi stabbilit jekk humiex qed jesperjenzaw żbilanċi.
Fl-2025, se jitħejjew analiżijiet fil-fond għad-disa’ Stati Membri li ġew identifikati bħala li qed jesperjenzaw żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi fl-2024: Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Ungerija, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Iżvezja.
L-AMR ta’ din is-sena jikkonkludi li rieżami fil-fond addizzjonali huwa ġġustifikat għall-Estonja minħabba riskji speċifiċi ta’ żbilanċi emerġenti ġodda. Il-pajjiż għadu qed jiffaċċja telf dejjem jakkumula fil-kompetittività tal-kostijiet xprunat minn pressjonijiet qawwija fuq il-kostijiet, minn kont kurrenti li qed imur għall-agħar, u minn żieda fil-prezzijiet tad-djar u fis-self tal-unitajiet domestiċi.
Proposta għal Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi
Il-proposta għal Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (Joint Employment Report, JER) tikkonferma li s-suq tax-xogħol tal-UE jibqa’ eċċezzjonalment reżiljenti. Ir-rata ta’ impjieg tal-UE laħqet livell rekord ta’ 75.3 % fl-2023 u żdiedet aktar għal 75.8 % fit-tieni kwart tal-2024. Fl-istess ħin, ir-rata tal-qgħad naqset għal livell baxx storiku ta’ 6,.1 % fl-2023, xejra li kompliet fl-2024. Il-produttività tax-xogħol kompliet tonqos fl-2023, wara li naqset b’mod sinifikanti bejn l-2010 u l-2019. Dan jista’ jagħmel ħsara lill-kapaċità tal-UE li tikkompeti globalment u ssostni t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib fl-istandards tal-għajxien.
Il-pagi reali bdew jirkupraw fit-tieni nofs tal-2023, hekk kif il-pressjonijiet tal-inflazzjoni naqsu. Madankollu, dawn il-kisbiet għadhom ma rrestawrawx kompletament il-kapaċità tal-akkwist mitlufa fis-snin preċedenti. Il-pagi minimi adegwati jibqgħu essenzjali biex jiġu mħarsa l-ħaddiema b’paga baxxa u jitnaqqas il-faqar fost dawk li jaħdmu, tingħata spinta lid-domanda u jissaħħu l-inċentivi għax-xogħol. In-nuqqasijiet mifruxa ta’ ħaddiema u ħiliet għadhom ostakli għall-gwadanji fil-produttività, l-innovazzjoni u l-kompetittività. F’Marzu 2024, il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni biex tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet, li jibni fuq inizjattivi eżistenti u jistabbilixxi azzjonijiet ġodda li għandhom jiġu implimentati mill-UE, l-Istati Membri u s-sħab soċjali.
Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2025 iżomm enfażi b’saħħitha speċifika għall-pajjiż fuq l-impjiegi, il-ħiliet u l-aspetti soċjali abbażi tal-prinċipji tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali, kif previst fil-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika. Ir-rapport jimmonitorja wkoll il-progress lejn il-miri għall-2030 stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira ewlenija tagħha ta’ rata ta’ impjieg ta’ 78 % sal-2030. Madankollu, għad hemm bżonn ta’ progress sinifikanti biex jiġi żgurat li 60 % tal-adulti jipparteċipaw kull sena f’tagħlim, u biex jitnaqqas b’mill-inqas 15-il miljun l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Il-passi li jmiss
Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Grupp tal-Ewro u lill-Kunsill biex jiddiskutu t-tieni parti tal-Pakkett tal-ħarifa u japprovaw il-gwida offruta. Tistenna bil-ħerqa li tinvolvi ruħha fi djalogu kostruttiv mal-Parlament Ewropew dwar il-kontenuti ta’ dan il-pakkett u dwar kull pass sussegwenti fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, kif ukoll li tkompli timpenja ruħha mas-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati.
Is-Semestru Ewropew jipprovdi qafas stabbilit sew għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tal-Istati Membri. Sa mill-introduzzjoni tiegħu fl-2011, dan sar forum stabbilit sew biex jiġu diskussi l-isfidi tal-politika fiskali, ekonomika u tal-impjiegi tal-pajjiżi tal-UE bi kronoloġija annwali komuni.
//= $special ?>