It-tim nazzjonali Malti tal-futsal fetaħ l-impenji tiegħu fir-round ewlieni tal-kampjonati Ewropej b’telfa ta’ 5-0 f’darhom kontra l-Finlandja.
Fl-ewwel taqsima, il-Finlandiżi bdew jiddominaw il-pussess, bil-Maltin li bdew joperaw bil-kontrattakki.
Il-goalkeeper Malti Clint Mifsud kien tajjeb f’diversi okkażjonijiet partikolarment meta laqa’ xuttijiet ta’ Kunnas u Intala.
Il-Finlandiżi marru minn fuq fid-9 minuta meta wara kick-in, il-ballun wasal għand Jani Korpela li b’xutt fil-baxx għeleb lil Mifsud sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0. Fit-tieni taqsima, il-Finlandja rduppjaw l-iskor b’xutt b’saħħtu tal-captain Jukka Kytola. Kien f’dan il-ħin li l-Maltin ħarġu bil-flying keeper Collin Sammut u kien hawn li l-avversarji approfittaw u fejn Vesa Lilja skorja f’lasta vojta.
Il-Maltin dehru mifxula u saħansitra qalgħu r-raba’ gowl skorjat minn Henri Alamikotervo. Il-Finlandja ssiġġillaw ir-rebħa żewġ minuti minn tmiem permezz ta’ Lassi Lintula.
Malta issa jmissha tilgħab it-tieni logħba fl-4 ta’ Frar li ġej kontra l-Belarus barra minn darhom.
Malta: Clint Mifsud, Celino Alves, Mark Zammit, Maicon, Marwan Telisi, Ryan Marmara, Andre Ciancio, Michael Borg, Giancarlo Sammut, Andre Cachia, Luke Gatt, Nathan Cope, Collin Sammut, Robert Stoyanov.
Finlandja: Juha Matti Savolainen, Tero Intala, Lassi Lintula, Jani Korpela, Iliro Vanha, Kasper Kangas, Henri Alamikotervo, Jakho Alassutari, Tuuka Pikkarainen, Jukka Kytola, Sergei Korsunov, Justus Kunnas, Aleks Pirtijjoki, Vesa Lilja.
Referees: Besar Beqiri, Besart Ismalji (Kosovo)
//= $special ?>