“L-istudenti qed jiċċaħħdu mid-dritt fundamentali tagħhom”
Kienet din id-dikjarazzjoni li għamlet Steph Formosa, lettur fl-MCAST, waqt il-programm NETLIVE, fejn spjegat it-toqol li kien hemm fost dawk preżenti fil-protesta li saret it-Tlieta mill-letturi tal-MCAST quddiem il-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Bil-lettur tispjega li s-sitwazzjoni fl-MCAST qed taffetwa lil dawk kollha li jaħdmu f’din l-istituzzjoni.
Hija spjegat ukoll li, minkejja li l-għalliema mhux qed jieħdu dak li ħaqqhom, ix-xogħol baqa’ għaddej għaliex l-għarfien li għandhom xorta waħda qed jaqsmuh mal-istudenti.
Ġie spjegat ukoll li l-paga tal-lecturers ilha friżata tliet snin…u l-Gvern qed joħroġ stejjer li mhux minnhom.
Il-lettur spjegat ukoll li kienu bosta studenti li kienu preżenti fil-protesta tat-Tlieta sabiex juru is-support tagħhom lill-lecturers – bis-sentiment fost dawk preżenti jkun wieħed ta’ toqol u dwejjaq.
Hi spjegat li huwa ta’ sodisfazzjon li tara lill-istudenti tagħha jmorru tajjeb f’dan il-kulleġġ; kulleġġ li jwasslek mill-bidu, mill-ewwel livell sal-ogħla livelli edukattivi.
Iżda huwa ta’ dispjaċir kbir tara lil dawn l-istudenti jbagħtu l-konsegwenzi tan-nuqqasijiet minn naħa tal-Gvern.
Il-letturi u l-ħaddiema tal-MCAST ilhom tliet snin staġġnati, tliet snin mingħajr ftehim kollettiv. Huwa għalhekk li issa aktar minn qatt qabel, l-lecturers u l-istudenti qed jipprotestaw sabiex dawn il-ħaddiema tal-MCAST jieħdu dak li ħaqqhom u sabiex l-istudenti, fl-aħħar mill-aħħar, ikunu jistgħu ikomplu jistudjaw sabiex joħorġu fid-dinja tax-xogħol.
//= $special ?>