Internazzjonali

L-Ukrajna pass ‘il bogħod minn blackout totali fix-xitwa

Hekk kif il-Lvant tal-Ewropa qed tesperjenza kesħa xxoqq l-għadam, l-Ukrajna tinsab pass ‘il bogħod minn blackout totali wara li r-Russja kompliet tattakka l-infrastruttura tal-enerġija.

L-awtoritajiet Ukreni żvelaw li fl-aħħar jiem il-faċilitajiet tal-enerġija fl-Ukrajna kienu fil-mira tal-attakki mill-qawwiet Russi b’miljuni ta’ Ukreni qed ikollhom il-provvista tal-enerġija għal massimu ta’ 8 sigħat biss kuljum.

Dan apparti li matul il-lejl li għadda komplew l-attakki fuq diversi villaġġi Ukreni bl-awtoritajiet qalu li r-Russja bagħtet xejn inqas minn 81 drone u bl-Ukreni jwaqqgħu madwar 50.

Fl-aħħar attakki, ir-Russja kompliet tavvanza u ħadet kontroll ta’ żewġ villaġġi oħra fin-naħa tal-Lvant tal-Ukrajna. B’numru ta’ rapporti internazzjonali qed jgħidu li r-Russi qed javvanzaw b’pass aktar mgħaġġel mis-sena li għaddiet.

Fi żviluppi oħra, l-qawwiet Russi ħabbru li arrestaw raġel mill-Użbekistan b’rabta mal-qtil tal-Ġeneral Russu Igor Kirillov fejn jidher li allegatament ammetta li hu poġġa l-bomba li wasslet għal qtil ta’ dan il-Ġeneral. Il-kumitat responsabbli mill-investigazzjoni qal li preżentament qed jidentifika aktar persuni involuti f’dan l-assassinju.

Ġie żvelat ukoll kif is-suspettat ġie offrut $100,000 sabiex jieħu ħsieb l-assassinju. U wara l-assassinju seta’ jagħżel pajjiż fejn imur joqgħod.

Intqal ukoll li s-suspettat tefa’ kamera ta’ sorveljanza f’karozza tal-kiri qrib iz-zona fejn seħħ l-assassinju bil-persuni wara dan il-qtil kellhom jużaw din il-kamera biex jaraw li l-bomba tkun effettiva.