Lokali Qorti

Raġel ‘homeless’ mixli b’’hold up’ u li sar riċediv

Raġel li m’għandux saqaf fuq rasu ta’ 30 sena mill-Etjopja, inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco li nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Diċembru, wettaq ‘hold up’ u seraq ‘handbag’, mowbajl phone tad-ditta Apple, karta ta’ kreditu u ċurkett tad-deheb minn bajja f’San Ġiljan.

Abdirizak Abdillahi Abdi wieġeb mhux ħati li wettaq dan ir-reat fir-Rocky Beach bejn l-4.30am u l-5.15am. għad-dannu ta’ koppja meta kien armat b’sikkina. Huwa ġie akkużat ukoll li wettaq dan ir-reat waqt inżul ix-xemx, li kellu arma mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, li sar riċediv, li kkommetta reat fil-perjodu operativ ta’ sentenza sospiża, li naqas li jipproduċi dokumenti tal-identità tiegħu u li għex f’Malta ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Nico Zarb u Roderick Attard flimkien mal-Avukat Brendan Hewer mill-uffiċċju tal-AĠ, ipproduċiet fil-Qorti filmati tas-CCTV bħala prova filwaqt li qalet li hija saret taf bl-identità tiegħu wara li għamlet il-verifiki mal-uffiċċju tal-Immigrazzjoni.

L-Avukat tal-għajnuna legali Adriano Spiteri li deher għal Abdi m’għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest fid-dawl tal-fatt li l-akkużat m’għandux residenza. Lanqas ma kien hemm kontestazzjoni dwar il-validità tal-arrest tiegħu.