It-tabib tal-ħabs xehed quddiem il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia li priġunier mixli b’avvanzi sesswali għandu bżonn l-għajnuna minħabba li jbati minn stress u dan għax ma jinsabx f’kundizzjoni mentali b’saħħitha.
It-tabib kien qed jixhed fil-konfront ta’ priġunier ta’ 68 sena li jinsab mixli li wettaq avvanzi sesswali fuq żewg ħabsin oħra waqt li kienu qed jinħaslu. Anthony Pirotta, minn Ħal Qormi, qed wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
Fil-Qorti rriżulta li kien raġel ieħor li għamel rapport lill-Pulizija fejn qal li l-akkużat għamel avvanzi sesswali fuqu wkoll. Dan qal ukoll li Pirotta offrielu t-tabakk bħala ħlas biex ikollu x’jaqsam miegħu sesswalment.
Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat qed ibati minn stress u li l-ambjent ta’ fejn qiegħed mhux qed jidrah. L-akkużat kien inżamm arrestat wara li d-difiża ddikjarat li ma kenitx talbet għall-ħelsien mill-arrest, anke minħabba l-fatt li qed jiskonta piena ta’ priġunerija fuq każ ieħor.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Gabriel Kitcher u Francesca Calleja u l-Avukat Miriayah Borg f’isem l-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Mark Busuttil.
Il-kumpilazzjoni se tkompli fl-20 ta’ Jannar li ġej.
//= $special ?>