Terremot b’qawwa ta’ 7.3 seħħ qrib il-belt kapitali Port Vila f’Vanuatu. Dan rriżulta f’diversi karozzi mfarrkin, kif ukoll numru ta’ bini sfaw imwaqqgħin, inkluż kumpless li jservi ta’ dar għal numru ta’ ambaxxati tal-punent.
Vanuatu tagħmel parti minn arċipelagu ta’ xi 80 gżira fin-Nofsinhar tal-Paċifiku. Hi tinsab fil-punent ta’ Fiji, eluf ta’ kilometri mit-tramuntana tal-Awstralja.
In-numru ta’ persuni li mietu għadu mhux konfermat.
L-ammont ta’ ħsarat li seħħew mhuwiex ċar hekk kif id-dawl u s-servizz tal-mobiles għadu maqtugħ.
Dan McGarry, ġurnalist, stqarr li l-awtoritajiet tal-isptar qalulu li minn tal-anqas persuna waħda sfat mejta u mistenni li l-ammont jiżdied.
Għalkemm Vanuatu huwa magħruf għat-terremoti, McGarry qal li personalment ħass li kien l-akbar terremot li seħħ f’aktar minn 20 sena. Huwa qal ukoll kif in-nies ta’ Vanuatu jgħaddu minn diżastri naturali ta’ kull sena u bħas-snin ta’ qabel, jirnexxilhom jirkopraw minn dan ukoll.
Kemm l-Awstralja kif ukoll New Zealand urew solidarjetà ma’ Vanuatu u stqarrew li huma lesti sabiex jassistu fejn hemm bżonn.
L-awtoritajiet ikkonfermaw li mhemmx riskju ta’ tsunami għall-Awstralja jew New Zealand.
//= $special ?>