Uffiċjal tal-Pulizija fi ħdan l-Ispecial Intervention Unit (SIU) ġie arrestat b’rabta ma’ aktar leaks ta’ informazzjoni sensittiva.
Net News infurmat li fil-bidu tal-ġimgħa uffiċjal tal-Pulizija ġie miżmum fuq allegat assoċjazzjoni ma’ traffikanti ta’ droga, u li fuq suspetti li kien qed jagħti informazzjoni delikata b’rabta mal-ħidma tal-Pulizija lil terzi persuni.
Il-pulizija kien sospiż mid-dmirjiet tiegħu u ngħata l-bail aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn huwa ttestja pożittiv għall-kokaina. Jirriżulta li dan l-uffiċjal jagħmel parti mill-Ispecial Intervention Unit, tim ta’ Pulizija speċjalizzati f’operazzjonijiet high-risk bħal raids u arresti b’rabta ma’ droga u, sitwazzjonijiet ta’ ostaġġ fost l-oħrajn.
Jirriżulta wkoll li dan il-pulizija kien fost dawk assenjati mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sabiex jakkumpanja numru ta’ VIPs.
Dan huwa t-tieni każ ta’ uffiċjal li huwa suspettat li ta informazzjoni sensittiva ma’ terzi persuni f’dan ix-xahar.
Ftit tal-ġimgħat ilu, is-Surġent tal-Pulizija Cherise Camilleri ta’ 28 sena, kienet akkużata fil-Qorti b’rabta ma’ tixrid ta’ informazzjoni sensittiva dwar raids tal-Pulizija lil terzi persuni. Hija qed twieġeb mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha u qed tinżamm arrestata.
Ġranet wara, kien sid ta’ gym li kien ukoll akkużat fil-Qorti, b’tixħim ta’ Camilleri u nżamm arrestat ukoll.
Sa issa, għadu mhux magħruf jekk il-każijiet ta’ dawn iż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija humiex relatati.
Sorsi li tkellmu mat-Times of Malta, spjegaw li kollużjoni ma’ kriminali huwa att kriminali serju, iżda wisq aktar meta jkunu involuti l-Pulizija.
//= $special ?>