Raġel ta’ 50 sena residenti tas-Sliema ġie kundannat 14-il xahar ħabs mill-Maġustrat Donatella Frendo Dimech wara li ammetta li fis-sajf li għadda seraq flus kontanti minn karozza li kienet ipparkjata f’Birkirkara u li għamel ħsara fuq l-istess vettura li kienet ta’ kumpanija privata. Is-serqa u l-ħsarat saru fid-dawl tax-xemx. L-ammont misruq ma jeċċedix is-somma ta’ €233.
Jason Mifsud li għandu kondotta kkulurita, ammetta fil-Qorti u qal li jagħmel dawn ir-reati biex jiffinanzja l-vizzju tad-droga li għandu. Fil-fatt, din mhux l-ewwel darba li huwa nstab ħati fuq reati ta’ serq. Mifsud ammetta wkoll l-akkuża li huwa sar riċediv.
Dwar il-piena, il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni l-ammissjoni ferm bikrija tal-imputat, tal-fatt li wera koperazzjoni mal-awtoritajiet investigattivi, tal-karattru refrattiv tiegħu u taċ-ċirkostanzi l-oħra tal-każ. Ma setgħax jonqos li l-Qorti tinduna li r-reati minnu mwettqa ġew xprunati mill-kilba tiegħu għall-vizzju tad-droga, liema vizzju wasslu sabiex jikkommetti serq sabiex jiffinanżjah.
Il-Qorti tat piż kbir lir-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation li hu konċernat minn nuqqas ta’ volontà tal-imputat li jindirizza l-problema akuta li għandu kemm-il darba hu ma jkunx qed jinżamm f’ambjent kontrollat.
Mill-fedina penali tiegħu jirriżulta li l-imputat instab ħati ta’ serq diversi drabi sa mill-2006 u l-Qorti se żżid il-piena bi grad biss minkejja li setgħet iżżidha bi tliet gradi. Finalment, il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni li l-imputat mhux f’pożizzjoni li jikkumpensa lid-derubat kemm tal-oġġett misruq kif ukoll tal-ħsarat kkawżati minnu fuq il-vettura inkwistjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti sabet lill-imputat ħati tal-imputazzjonijiet kollha, abbażi tal-ammissjoni tiegħu u kkundannatu għal 14 il-xahar priġunerija u ħarġet Ordni ta’ Trażżin fil-konfront tal-vittmi għal żmien tliet snin mid-data tas-sentenza. Ordnat ukoll li l-imputat jingħata Ordni ta’ Trattament għal tliet snin sabiex jegħleb il-problema tad-droga.