Kultura Lokali

Dramm Malti jixħet dawl ġdid fuq ir-rakkont ta’ David u Ġonatan fil-ibbja

Ritratt: Jacob Sammut
Id-Dnub tal-Magħżulin jagħti ħarsa ġdida lejn wieħed mill-aktar narrattivi fil-Bibbja li jqanqlu interess.

Dramm ġdid bil-Malti, miktub minn Adrian Buckle u Trevor Żahra, se jagħti bidu għall-istaġun tat-teatru tal-2025 b’addattament kuraġġuż ta’ rakkont bibliku magħruf.

Id-Dnub tal-Magħżulin, li se jkun qed jittella’ fuq żewġ weekends fil-Valletta Campus Theatre (VCT) mill-31 ta’ Jannar, jesplora l-istorja ta’ David u Ġonatan, u r-relazzjoni kumplessa u affaxxinanti tagħhom fid-dell dejjem jikber tat-tirannija, il-biża’ u l-paranojja tar-Re Sawlu.

Id-Dnub tal-Magħżulin mistenni jkun esperjenza immersiva u li tqanqal il-ħsieb, hekk kif jistħarreġ it-temi tal-imħabba taħt l-oppressjoni, l-identità, u x-xewqa umana għall-konnessjoni, qal id-direttur tad-dramm, Tyrone Grima. “L-istorja ta’ David u Ġonatan fil-Bibbja affaxxinat lill-istudjużi tul sekli sħaħ. Din il-ġrajja ta’ ‘Romeo u Romeo’ ilha ġejja minn żmien żemżem imma għadha relevanti daqs qatt qabel, dwar il-qawwa tal-imħabba li tittraxxendi l-biża’ u l-mibegħda – u l-ġmiel tal-konnessjoni umana, anke fl-eħrex ċirkostanzi.”

Id-Dnub tal-Magħżulin, li żgur m’għandux jintilef mid-dilettanti tat-teatru u dawk kollha li jinteressawhom stejjer ta’ qlubija u sfida quddiem il-persekuzzjoni, għandu wkoll kast eċċellenti li jinkludi lil Peter Galea bħala Sawlu, Miguel Formosa bħala Ġonatan, u Benjamin Abela bħala David, flimkien ma’ Sean Borg, Mandy Muscat, Stefan Farrugia, Josue Formosa, Bernard Zammit u Matthias Zarb.

Il-produzzjoni tinkludi wkoll mużika oriġinali komposta minn Alex Vella Gregory, li tikkumplimenta d-disinn tas-sett evokattiv minn Romualdo Moretti, id-disinn tad-dwal ta’ Dali Aguerbi, u l-kostumi ta’ Michela Manduca. Simone Ellul ukoll tissieħeb ma’ dan it-tim kreattiv dinamiku bħala Direttur tal-Intimità.

Ritratt: Jacob Sammut

Apparti r-rappreżentazzjonijiet, l-udjenzi li se jattendu l-wirjiet tal-Ġimgħa filgħaxija nhar il-31 ta’ Jannar u s-7 ta’ Frar se jkollhom l-opportunità unika li jingħaqdu mar-Rev Prof Josef Mario Briffa SJ għal lecture u sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet wara li jittella’ d-dramm. Rev Prof Briffa, studjuż tal-Bibbja u arkeologu, se jesplora l-kuntest storiku u kulturali tan-narrattiva ta’ David u Ġonatan fil-Lvant Qarib tal-qedem, u b’hekk iħaffer iktar fil-fond b’rabta mat-temi tad-dramm.

Id-Dnub tal-Magħżulin se jittella’ fil-Valletta Campus Theatre (VCT), il-Belt Valletta, fil-31 ta’ Jannar u l-1, 2, 7, 8 u 9 ta’ Frar 2025, bil-wirjiet jibdew fis-7:30pm. Din il-produzzjoni hi addattata għal udjenzi minn 16-il sena ’l fuq, minħabba t-temi maturi li tittratta. Id-Dnub tal-Magħżulin hu appoġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn www.adrianbuckle.com.

Ritratt: Jacob Sammut