Ewropa Lokali

“Fl-2025 l-Ewropa trid issaħħaħ l-irwol tagħha biex tipprovdi tmexxija globali” – Metsola waqt il-Kunsill Ewropew

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola sostniet li filwaqt li fl-2024, l-Ewropa qamet għall-okkażjoni, fl-2025, trid ssaħħaħ ir-rwol tagħha jekk tassew irridu li l-Ewropa tkun fuq quddiem biex tagħti direzzjoni fuq livell globali.

Waqt li kienet qed tindirizza lill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea matul l-aħħar Kunsill Ewropew għal din is-sena, il-President Metsola qalet li jekk hemm ħaġa waħda li se tiddefinixxi l-kontinent Ewropew fis-snin li ġejjin, hija l-kapaċità tagħna li nibqgħu magħqudin.

Fil-preżenza tal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy, il-President Metsola qalet li hekk kif il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna qed toqrob lejn il-bidu tat-tielet sena tagħha, l-Ewropa trid tintensifika l-isforzi tagħha biex timxi lejn il-paċi. “Imma mhux kwalunkwe paċi – mhux xi verżjoni falza ta’ paċi mfassla mir-Russja, imma paċi vera u dejjiema. Paċi bid-dinjità, paċi bil-libertà, paċi bil-ġustizzja,” saħqet Roberta Metsola.

Dwar ir-reġjun ġar tal-Ewropa, il-President Metsola appellat lill-mexxejja tal-UE biex iżidu l-preżenza u l-impenn. Hija qalet li l-interferenza tar-Russja tkompli tiddestabilizza lill-Moldova, il-Ġeorġja, u l-Balkani tal-Punent. Kompliet li r-rispons tal-Ewropa għandu jkun deċiżiv. Qalet li d-dewmien joħloq biss spazju għal oħrajn biex jimminaw l-influwenza u l-valuri tal-Ewropa, kif ukoll il-kredibbiltà tal-Ewropa fid-dinja.

Il-President Metsola tenniet it-talba tagħha biex l-UE żżid ir-rwol tagħha biex tipprovdi tmexxija globali u tindirizza l-kunflitti. Qalet li fil-Lvant Nofsani, ir-rwol tal-UE jibqa’ kruċjali, mill-appoġġ għall-waqfien mill-ġlied sa l-iżgurar ta’ għajnuna umanitarja u ħidma għal paċi fit-tul. Dwar is-Sirja, l-MEP Maltija qalet li s-sitwazzjoni għadha kritika, b’miljuni ta’ Sirjani qed ifittxu futur ħieles, stabbli, u sikur hekk kif ir-reġim brutali ta’ Bashar al-Assad tmermer.

Il-President tal-Parlament Ewropew saħqet li d-djalogu, l-għaqda, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, u l-liġi internazzjonali għandhom jiggwidaw it-triq ‘il quddiem.