L-OPINJONI
Hibernians ħasdu lil Birkirkara biex kisbu rebħa li biha komplew telgħin aktar ‘il fuq fil-klassifika. Iżda din il-logħba kompliet tikkonferma l-istaġun inkonsisteni li għaddejjin minnu t-tim Pawlist li jitlef meta mhux mistenni u jirbaħ konfronti aktar delikati bħalma kien dan kontra l-leaders Birkirkara. Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għat-tim immexxi minn Branko Nisevic filwaqt li għall-Istripes din kienet it-tielet telfa tal-istaġun u t-tieni waħda fit-Top Six. Kien gowl f’kull taqsima li ddeċidew il-logħba favur Hibernians li meritatament ħadu t-tliet punti. Kemm Hibernians kif ukoll Birkirkara kienu sfurzati f’xi bidliet minħabba sospensjonijiet fejn Bastianos u Kristensen kienu neqsin għal Hibernians, filwaqt li Maia u Satariano għal Birkirkara.
Gowl skurjat minn Emerson Santos ta rebħa lil Floriana li biha telgħu fl-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ Birkirkara fuq 32 punt. Il-logħba kienet nieqsa ħafna mill-azzjonijiet ta’ gowl iżda splodiet hekk kif minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima l-Greens skurjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. Il-kowċ ta’ Floriana Darren Abdilla wettaq tliet bidliet mill-aħħar logħba tagħhom, l-ewwel telfa fil-Kampjonat kontra Ħamrun Spartans. Inqalgħu Yameogo, Veselji u Fernandinho u daħlu minflok Spiteri, Garcia u Thiaguinho. Mill-banda l-oħra, Zammit beda bi Frendo flok is-sospiż Murillo. Issa Floriana qed jemmnu li jistgħu jirbħu l-Opening Round hekk kif ser jiffaċċjaw lil B’Kara f’logħba diretta għal dan il-verdett li tintlagħab nhar is-Sibt fl-Istadium Nazzjonali. L-ewwel u l-aħjar żewġ timijiet kontra xulxin fl-aħħar logħba qabel il-waqfa tal-Milied.
U Mosta kisbu l-ewwel rebħa tagħhom fit-Top Six wara li huma għelbu lil Ħamrun Spartans bl-iskor ta’ 2-1. Huma dawru telfa f’rebħa wara li marru gowl minn taħt, iżda t-tim wera karattru biex b’gowl fil-ħin addizzjonali tal-logħba kisbu l-ewwel punti tagħhom. Għal Ħamrun dan kien pass lura peress li kienu qed jirkupraw mill-bidu diffiċli li kellhom fil-Kampjonat. Dan wara fost l-oħrajn ir-rebħa li kisbu kontra Sliema Wanderers fil-finali tas-Super Cup nhar il-Ġimgħa li għaddiet. Fil-bidu kellna botta u risposta b’Ħamrun jiftħu l-iskor u Mosta jġibu d-draw wara biss erba’ minuti. Minn hemm ‘il quddiem il-logħob kompla jkun bilanċjat minkejja li Mosta kellhom aktar ċansijiet ta’ skor mill-avversarji tagħhom, b’mod partikolari fit-tieni taqsima. Rebħa li tressaq lil Mosta żewġ punti biss taħt l-Ispartans b’logħba waħda għat-tmiem tal-Opening Round.
Gżira United dawru telfa f’rebħa wara li huma għelbu lit-tim tal-qiegħ Balzan bl-iskor ta’ 2-1. Dan minkejja li t-tim immexxi minn Giovanni Tedesco kellu jilgħab għal kważi tliet kwarti tal-logħba bi player anqas wara t-tkeċċija ta’ Marcelo Dias. Din kienet logħba ta’ gowls sbieħ fejn kemm dak ta’ Jan Busuttil kif ukoll it-tnejn tal-Maroons kienu wieħed isbaħ mill-ieħor. Rebħa li tpoġġi lil Gżira United waħidhom fl-ewwel post tal-klassifika tal-Bottom Six. Mill-banda l-oħra jkomplu jikbru l-problemi għal Balzan li issa jinsabu ankrati fl-aħħar post tal-klassifika meta fadal logħba waħda biss għat-tmiem tal-Opening Round. Wieħed irid jammira lil Gżira li minkejja bi player anqas, baqgħu jemmnu li jistgħu jiksbu r-riżultat u finalment kisbu t-tliet punti.
U draw ta’ 1-1 bejn Naxxar Lions u Marsaxlokk f’logħba oħra mill-Bottom Six tat-360Sport Malta Premier. B’hekk Marsaxlokk, minkejja li estendew ir-riżultati pożittivi taħt Enzo Potenza, tilfu l-ewwel post tal-klassifika. Mill-banda l-oħra għal Naxxar din kienet daqqa ta’ ħarta oħra hekk kif bir-rebħa li kisbu Żabbar SP is-Sibt, huma diġà kienu qed jokkupaw il-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika. L-aħħar logħba taf tkun determinanti jekk huma jispiċċawx mal-aħħar tnejn fil-klassifika tal-Opening Round. Fil-fatt, kienu M’Xlokk li bdew tajjeb ħafna din il-partita fejn ħarġu aggressivi fit-tentattiv li jieħdu l-kontroll tal-logħba. Iżda l-Lions approfittaw minn indeċiżjoni fid-difiża biex ħadu l-vantaġġ minkejja li ma tantx damu jgawduh.
Żabbar SP kisbu rebħa drammatika f’logħba oħra diretta din id-darba kontra Melita b’gowl li wasal fl-aħħar minuta tal-logħba. Kienet rebħa drammatika li fissret li t-tim Żabbari kiseb tliet logħbiet konsekuttivi, disa’ punti li bihom saħansitra ħarġu miz-zona relegazzjoni. L-eroj ta’ St Patrick kien is-sostitut Vinicius li skorja b’opportuniżmu l-gowl tar-rebħa. Riżultat li fisser li Żabbar issa jinsabu fuq tlettax-il punt. Kienet logħba li wara taqsima pjuttost kwieta rat lit-tim immexxi minn Aniello Parisi jieħu l-kontroll tat-tieni ħamsa u erbgħin minuta biex finalment sabu l-gowl tar-rebħa. Għal Melita din kienet it-tmien telfa tal-istaġun fejn jistennew l-aħħar logħba sabiex ikunu matematikament salvi mill-Opening Round tat-360Sport Malta Premier.
//= $special ?>