Lokali

Il-Ministeru ta’ Għawdex tajjar €10.5 miljun żejda fuq triq waħda

Ċanfira oħra għall-Gvern mill-Awditur Ġenerali – bl-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali jsostni li fi proġett ta’ triq waħda, il-Ministeru ta’ Għawdex spiċċa jonfoq €10.5 miljun extra fuq il-budget allokat.

Fir-rapport tiegħu dwar il-kontijiet tal-Ministeru, l-NAO fost l-oħrajn tefa’ dawl fuq il-proġett infrastrutturali tat-triq li testendi minn Triq l-Imġarr fin-Nadur u tispiċċa fi Triq Sant’Antnin f’Għajnsielem.

Erba’ snin ilu, il-Ministru ta’ Għawdex Clint Camilleri kien qal li dan il-proġett kellu jiswa madwar €8 miljun – bl-NAO ssib li l-ispiża finali laħqet is-€17-il miljun, b’€1.5 miljun apparti għal spejjeż oħrajn… u li dwarhom hemm ħafna misteri.

Fir-rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali osserva kif in-nuqqas ta’ ppjanar wassal għaż-żieda eżorbitanti fil-ħlasijiet finali – punt li l-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq fuqu hekk kif in-nuqqas ta’ ppjanar iħallas għalih il-poplu, bil-flus jispiċċaw spalpaljati b’mod u manjiera li jkomplu jżidu l-pjaga tad-dejn kbir li għandu pajjiżna.

Mir-rapport tal-NAO ħareġ kif il-Gvern daħal fi tliet kuntratti għal dan il-proġett li inizjalment kellu jiswa €8 miljun. L-ewwel kuntratt kien ta’ €1.8 miljun.

Wara, sar kuntratt ieħor ta’ €9.3 miljun… u fl-aħħar €6.7 miljun oħra li koprew ix-xogħlijiet li kien fadal; xogħlijiet li ma sarux fil-ħin previst minħabba nuqqas ta’ ppjanar. Bil-Gvern jispiċċa jidħol f’kuntratti żejda minħabba dewmin bla bżonn f’din l-arterja tant importanti.

Quddiem dawn il-fatti, il-PN reġa’ insista fuq ir-riżenja tal-Ministru Clint Camilleri – dan anke wara li fil-ġimgħat li għaddew rajna kif ġew mormijja flus oħra, bil-paga esagerata li ngħatat Amanda Muscat bħala eżempju prinċipali ta’ dan l-abbuż.

Dan apparti akkużi ta’ skandli oħra li qed iduru ma’ Clint Camilleri – fosthom dak tal-irmiġġi fil-marina tal-Imġarr.

Bil-Partit Nazzjonalista jsostni li Robert Abela qed ikompli jgħin biex dan l-ambjent ta’ impunità jkompli għaddej – u bil-Prim Ministru jippreferi jbiddel il-proċess ġudizzjarju ta’ pajjiżna milli jieħu passi kontra nies viċin tiegħu li naqsu bi kbir.