Ewropa Lokali

“Irridu nkomplu niġġieldu l-korruzzjoni” – Peter Agius

“Jeħtieġ li nkomplu niġġieldu l-korruzzjoni għaliex pajjiżna huwa maħkum minn Gvern li qed jitħanżer mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Peter Agius waqt li kien qed jindirizza l-Parlament Ewropew fejn tkellem dwar uħud mill-iskandli li pajjiżna affaċċja fl-aħħar snin.

Matul id-diskors tiegħu, Peter Agius qal li jum wara l-ieħor il-poplu Malti u Għawdxi qed jara Gvern li qed ikompli jisraq minn kuntratti pubbliċi.

Hawnhekk huwa tkellem dwar l-iskandlu tat-tliet sptarijiet fejn il-Qorti sabet lill-Gvern Laburista ħati ta’ kollużjoni fi skandlu fejn il-poplu nsteraq mal-€400 miljun – flus li l-Gvern ta’ Robert Abela għadu ma ġabx lura.

Peter Agius tkellem ukoll dwar skandlu riċenti li wassal għar-riżenja tal-Ministru Clayton Bartolo, dan hekk kif il-Kummissarju tal-Istandards sab lil Bartolo kif ukoll lill-Ministru Clint Camilleri ħatja meta taw konsulenza fantażma lill-mara tal-Eks Ministru Clayton Bartolo.

Peter Agius fakkar li l-Kummissarju Ewropew li kien responsabbli li jara li ma jsirux kuntratti frawdolenti ħalla kollox għaddej iżda qal ukoll li jittama li l-Kummissarju l-ġdid jieħu l-azzjoni neċessarja. Huwa spjega kif l-Ewropa għandha tara li liġijiet Ewropew ma jinkisrux bla konsegwenza għaliex fil-każ tal-Vitals pajjiżna kisser il-liġi Ewropea tal-public procurement.

Fid-dawl ta’ dawn l-iskandli kollha, Peter Agius sostna li kuntratti frawdolenti għandhom jitwaqqfu minnufih għaliex hekk biss tista’ tkompli l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.