Internazzjonali

Is-Sirja: Il-Kap ewlieni tar-ribelli anti-Assad jinsisti li l-pajjiż mhux theddida għad-dinja

Il-Mexxej ġdid tas-Sirja, Ahmed al-Sharaa, qal li pajjiżu spiċċa eżawrit wara snin ta’ gwerra u ma jista’ bl-ebda mod jitqies bħala theddida għar-reġjun tal-Lvant Nofsani inkella għall-kumplament tad-dinja, inkluż il-Punent.

Al-Sharaa, waqt intervista esklussiva lill-BBC, sejjaħ ukoll biex jitneħħew is-sanzjonijiet li ilhom imposti għal snin fuq is-Sirja b’kaġun tal-ħakma dittatorjali u brutali tal-Eks President Bashar al-Assad.

Hu qal li l-Punent għandu jevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni għaliex is-sanzjonijiet kienu diretti kontra r-reġim antik u meta, illum, ‘il-vittma u l-oppressur m’għandhomx ikunu trattati l-istess fid-dawl taċ-ċirkustanzi ġodda’.

Sharaa kien mexxa l-offensiva ta’ jiem li, ftit anqas minn ġimagħtejn ilu, ġabet fi tmiem l-era ta’ Assad f’Damasku. Il-kap tar-ribelli jmexxi lill-moviment militanti Iżlamiku Hayat Tahrir al-Sham, li kien l-element dominanti fl-alleanza tar-ribelli anti-Assad u meta qabel, kien magħruf ukoll bin-nom de guerre ta’ Abu Mohammed al-Jolani.

Intant, Ahmed al-Sharaa qed jgħid ukoll li l-Hayat għandhom jitneħħew mil-lista tal-Punent li tirreferi speċifikament għall-organizzazzjonijiet terroristiċi. Il-grupp, fl-2016, kien ħareġ mill-grupp terroristiku Al-Qaeda bħala entità separata u fejn il-kredenzjali ‘terroristiċi’ tiegħu kienu konfermati min-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Uniti, l-Unjoni Eweropea u r-Renju Unit.

Madankollu, Ahmed al-Sharaa qed jinsisti li l-grupp tiegħu ma attakkax liċ-ċivili Sirjani u, fil-fatt, għandu jkun ikkunsidrat fost il-vittmi tar-reati ta’ Assad kontra niesu stess.

Il-mexxej ġdid tas-Sirja ċaħad ukoll li jrid jibdel lis-Sirja f’xi versjoni tal-Afganistan u sostna li dawn huma pajjiżi differenti bit-tradizzjonijiet diversi – b’mod partikulari fejn tidħol l-edukazzjoni ‘fejn in-nisa Sirjani għandhom kull dritt li jibbenefikaw mit-tagħlim’.

Mistoqsi dwar jekk il-konsum tal-alkoħol għandux ikun permess fis-Sirja ‘ġdida’, Sharaa sostna li hemm ħafna affarijiet li hu, għalissa, m’għandux id-dritt li jindirizzahom pubblikament peress li jinvolvu l-issues legali.

Intant, hu qal li jinsab determinat li s-Sirja tidħol f’era ġdida fejn ir-rispett għal-liġijiet u l-ġustizzja jingħataw kull prominenza.

Hu żvela li għandu jinħatar Kumitat Sirjan magħmul mill-esperti legali biex ifasslu Kostituzzjoni ġdida u meta d-deċiżjonijiet kruċjali se jkunu f’idejn dawn l-esperti. Dan meta kwalunkwe President jew mexxej ieħor jeħtieġu li jaġixxu skont il-liġijiet tal-pajjiż.

Intant, u waqt li Sharaa għamel minn kollox biex iwassal messaġġ li l-Hayat Tahrir al-Sham inqata’ mill-passat estremista, hemm ukoll ħafna Sirjani li ma jemmnux li ‘l-lupu jista’ jibdel sufu mil-lum għal għada’.

Dawn is-Sirjani – u diversi osservaturi barranin – jemmnu li l-azzjonijiet mit-tmexxija ġdida ta’ Damasku, fix-xhur li ġejjin, għandhom jindikaw it-tip ta’ pajjiż li huma jridu jmexxu u meta l-effetti tat-tmexxija għandhom jinħassu direttament mill-poplu.