Lokali Qorti

Is-sistema ġudizzjarja f’Malta għandha tipprevali – Karol Aquilina fil-każ ta’ Daniel Joe Meli

Il-Parlament jemmen li s-sistema ġudizzjarja f’Malta għandha tipprevali. Il-Membru Parlamentari u x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina qal li wara qbil unanimu, iż-żewġ naħat tal-Kamra jippreferu s-sistema ġudizzjarja ta’ Malta.

Huwa qal dan meta kien qed jixhed fil-każ ta’ Daniel Joe Meli ta’ 28 sena minn Ħaż Żabbar li jinsab mixli b’rabta ma’ bejgħ ta’ ‘malware’ illegali fuq id-dark web u b’rabta ma’ servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ ‘hack forum’.

Diversi xhieda tad-difiża ntalbu jikkonfermaw dokumenti b’rabta mal-każ kif ukoll b’rabta ma’ tfittxijiet li saru fuq Meli. Xhieda li spikkat fis-seduta tal-Ħamis kienet dik l-Avukat Karol Aquilina li qal li jekk persuna tinsab taħt investigazzjoni f’pajjiżna għandha titressaq u ssegwi proċeduri quddiem il-Qorti ta’ Malta.

Quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, il-prosekuzzjoni u d-difiża trattaw it-talba li saret mill-ġdid għal ħelsien mill-arrest ta’ Daniel Joe Meli. Dwar dan, il-prosekuzzjoni qalet li se tibqa’ topponi bil-qawwa kollha għal libertà proviżorja għaliex iċ-ċirkostanzi tal-każ għadhom ma nbiddlux.

L-avukati difensuri Franco Debono u Arthur Azzopardi sostnew li Meli ilu miżmum arrestat 10 xhur u l-Qorti għandha tikkunsidra dan fid-deċizjoni tagħha. Qalu wkoll li l-Qorti għandha timponi kundizzjonijiet idonei u stretti fuq Meli sabiex tiżgura li ma jkunx hemm tbagħbis ta’ provi minn naħa tal-imputat. Il-Maġistrat Caruana ser jagħti d-deċiżjoni tiegħu ‘in camera’.

Iż-żagħżugħ ta’ 28 sena huwa mfittex li jaffaċċja prosekuzzjoni kriminali fl-Istati Uniti. Huwa kien fiċ-ċentru ta’ saga tal-Qorti li bdiet fi Frar. Meli inizjalment ta l-kunsens għall-estradizzjoni soġġetta għar-regola tal-ispeċjalità li kienet tfisser li seta’ jiffaċċja prosekuzzjoni biss għal dawk ir-reati elenkati fit-talba tal-awtoritajiet Amerikani.

Iżda ftit wara, megħjun minn avukati ġodda, ippreżenta proċeduri quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn sostniet li l-ewwel Qorti kellha tiżgura ruħha li kien fi stat ta’ moħħ sod biżżejjed meta jagħti l-kunsens tiegħu.

Meli kellu storja twila ta’ problemi psikoloġiċi u mediċi flimkien mad-dipendenza fuq id-droga. Professjonisti mediċi, meta mħarrka biex jixhdu fil-kawża kostituzzjonali, iddeskrivew lil Meli bħala “brillanti ħafna” iżda li jsofri minn “ansjetà soċjali kbira” u “stima personali baxxa ħafna”.

It-talbiet ġew miċħuda mill-Prim’Awla, Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha. Meli ressaq appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Il-gvern, sadanittant, introduċa salvagwardji proċedurali ġodda biex jiżgura li persuna mfittxija tingħata “ħin adegwat” biex tirrifletti qabel tagħti l-kunsens għall-estradizzjoni.

L-avukati ta’ Meli immedjatament ressqu rikors quddiem il-Qorti Kriminali tal-Appell li annullat id-deċiżjoni preċedenti tal-Qorti u għalhekk ordnat li l-każ ta’ Meli jinstema’ mill-ġdid quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, kif qed jiġri.