Internazzjonali

Iżrael: Rejds mill-ajru fuq il-portijiet u l-infrastruttura tal-Houthi fil-Jemen

L-ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael wettqu sensiela ta’ attakki fuq il-miri militari tal-grupp Houthi fil-Jemen u fejn intlaqtu l-portijiet tal-milizji fil-Baħar l-Aħmar, flimkien mal-infrastruttura għall-enerġija fil-kapital Sanaa.

Il-Houthi huma alleati ewlenin tal-Iran fundamentalista u s-sorsi tal-aħbarijiet fil-Jemen qalu li nqatlu tal-anqas għaxra waqt l-attakki tal-Iżraeljani fuq il-port ta’ Salif u t-terminal taż-żejt ta’ Ras Issa li jinsabu fil-provinċja ta’ Hudaydah.

L-attakki saru bi tpattija għall-isparatura ta’ missili mill-Jemen u li numru minnhom kienu interċettati waqt li għaddejjin minn fuq iċ-ċentru ta’ Iżrael. Intant, ir-rapporti referew għall-ħsarat fi skola u għal diversi karozzi f’Ramat Gan, mal-periferiji ta’ Tel Aviv.

Il-Houthi, li jikkontrollaw l-artijiet lejn il-majjistral tal-Jemen, ilhom iwettqu l-attakki fuq Iżrael mill-bidu tal-Gwerra ta’ Gaza f’Ottubru tas-sena l-oħra u meta qed jgħidu li l-azzjonijiet ‘jissimbolizzaw is-solidarjetà mal-grupp terroristiku Palestinjan, Ħamas. Dan meta l-milizji fil-Jemen, sal-lum sparaw il-mijiet tal-missili u d-drones lejn Iżrael li l-parti kbira minnhom kienu interċettati mis-sistemi tad-difiża tal-Iżraeljani.