Raġel ta’ 44 sena minn Ħaż-Żabbar inżamm arrestat wara li allegatament ikkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa lis-sieħba tiegħu, heddidha, u kkaġunalha biża’ mill-użu ta’ vjolenza fil-konfront tagħha. Il-Qorti ġiet infurmata li l-allegata vittma ressqet rapport fil-konfront tas-sieħeb tagħha li ilhom flimkien għal 15-il sena u li miegħu għandha żewġt itfal.
Irriżulta fil-Qorti li kien inqala’ argument dwar l-għażla tal-ilbies li għamlet l-allegata vittma għal attività li kellha tattendi. L-akkużat allegatament insulenta u hedded lis-sieħba tiegħu u mbottaha mal-friġġ. Il-vittma innotat li l-akkużat seta’ kien fis-sakra.
Għalkemm l-allegata vittma ngħatat parir minn uffiċjali fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid biex tmur fit-taqsima tal-vjolenza domestika, hija ddeċidiet li l-ewwel tgħaddi d-dar tagħha sabiex tivverifika jekk is-sieħeb tagħha kienx ikkalma.
Dan iżda ma kienx il-każ u nqala’ argument ieħor li matulu uliedhom ipprovaw jifirduhom. Valutazzjoni tar-riskju li sar, ta riżultat ta’ ‘riskju sever’. Għalkemm il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata, saret talba għall-ħelsien mill-arrest, bl-avukat tal-għajnuna legali Thomas Barbara Sant isemmi l-preżunzjoni tal-innoċenza tal-akkużat kif ukoll il-kondotta kriminali kważi perfetta tiegħu.
Intqal ukoll li l-akkużat huwa persuna ta’ min joqgħod fuqha, li jimxi ma’ kull kundizzjoni stabbilita mill-Qorti. Il-Prosekuzzjoni iżda rribattiet, u nnotat li l-allegata vittma kienet għadha trid tixhed. It-talba għal libertà proviżorja sussegwentement ġiet miċħuda.
Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma bl-eċċezzjoni li tista’ ssir komunikazzjoni dwar it-tfal.
Il-Maġistrat Leonard Caruana sema’ l-każ.
//= $special ?>