L-aktar kwistjoni importanti għall-Maltin hija ż-żieda fil-prezzijiet, l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja, filwaqt li t-tieni l-aktar kwistoni li qed tinkwetahom hi l-immigrazzjoni, li ssemmiet minn 31% tal-Maltin. B’mod partikolari, il-ġenerazzjonijiet iżgħar bħall-Ġenerazzjoni Z huma aktar imħassba dwar l-immigrazzjoni, meta mqabbla ma’ gruppi akbar fl-età, iżda huma inqas imħassba dwar l-inflazzjoni.
Dan jirriżulta mir-Rapport Nazzjonali tal-aktar Stħarriġ tal-Ewrobarometru Standard riċenti ppubblikat mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.
Fl-istħarriġ irriżulta wkoll li 54% tal-Maltin qalu li kienu sodisfatti bil-funzjonament tad-demokrazija f’pajjiżhom. Barra minn hekk, ir-rabta ma’ Malta għadha għolja, b’89% tal-Maltin li pparteċipaw fl-istħarriġ jistqarru li jħossuhom marbutin ma’ pajjiżhom.
Il-perċezzjonijiet dwar l-UE
Dan iċ-ċiklu tal-Ewrobarometru reġa’ afferma l-perċezzjonijiet pożittivi li l-Maltin għandhom dwar l-Unjoni Ewropea. Meta ġew mistoqsija x’jaħsbu dwar l-UE, 40% kellhom opinjoni pożittiva ħafna jew pjuttost pożittiva dwarha, filwaqt li 10% esprimew opinjoni pjuttost negattiva jew negattiva ħafna. Il-maġġoranza, jiġifieri 48%, kellhom opinjoni newtrali. Il-fiduċja fl-UE għadha ogħla f’Malta meta mqabbla mal-medja tal-UE.
L-ottimiżmu dwar l-UE huwa rifless fil-fehmiet dwar l-impatt tagħha fuq Malta. Perċentwal impressjonanti ta’ 91% jemmnu li bis-saħħa tas-sħubija tagħha fl-UE, Malta bbenefikat ekonomikament, soċjalment u kulturalment. L-iżgurar tal-paċi u tal-istabbiltà, l-iżgurar tal-provvisti essenzjali, u l-iżvilupp tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli jitqiesu bħala l-azzjonijiet tal-UE li l-aktar iħallu impatt pożittiv sinifikanti fl-immedjat.
Il-benefiċċji tas-sħubija fl-UE
Ir-rispondenti Maltin għadhom iħarsu lejn is-sħubija fl-UE minn lenti pożittiva. Il-maġġoranza tagħhom jemmnu li bis-saħħa tas-sħubija fl-UE, Malta qed tgawdi minn ħafna benefiċċji. L-appoġġ għall-munita unika tal-UE, l-euro, huwa partikolarment b’saħħtu, u ħafna mir-rispondenti jafu x’impatt pożittiv għandha fuq l-ekonomija ta’ Malta.
Fir-rigward tal-media, jirriżulta li 54% biss jemmnu li l-media f’Malta tipprovdi informazzjoni affidabbli meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 69%.
Ir-rapport nazzjonali jiddeskrivi s-sejbiet ewlenin tal-ħidma fuq il-post li saret bejn l-10 u t-30 ta’ Ottubru 2024. B’kollox saru 500 intervista lil persuni ta’ 15-il sena jew aktar li joqogħdu Malta. Ir-rapport ikopri għadd ta’ suġġetti, jiġifieri l-perċezzjonijiet dwar is-sitwazzjonijiet personali tar-rispondenti, Malta u s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, u l-Unjoni Ewropea; il-perċezzjonijiet dwar l-Unjoni Ewropea; il-fiduċja fl-istituzzjonijiet; u l-media u s-sorsi tal-aħbarijiet.
Matul dan il-perjodu, il-klima ekonomika f’Malta baqgħet influwenza ewlenija, u l-kwistjonijiet notevoli bħall-inflazzjoni, l-immigrazzjoni, u l-isfidi ambjentali sawru l-opinjoni pubblika. Barra minn hekk, l-iżviluppi ġeopolitiċi sinifikanti, fosthom il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna u t-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani, għenu biex jissawru l-perċezzjonijiet tal-parteċipanti.
//= $special ?>