Anzjana ta’ 78 sena residenti n-Naxxar tinsab l-isptar Mater Dei tissielet għal ħajjitha wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku li seħħ in-Naxxar.
L-inċident seħħ il-Ħamis filgħodu għall-ħabta tal-10:45 fi Triq il-Ġermanja, in-Naxxar.
Il-Pulizija marret fil-post u minn investigazzjoni li saret irriżulta li l-anzjana tilfet il-kontroll tal-karozza li kienet qed issuq bil-konsegwenza li ħabtet ma’ trakk li kien ipparkjat fit-triq.
Il-vittma ngħatat l-għajnuna minn tim mediku u ttieħedet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura meħtieġa.
Aktar tard ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament u li tinsab fil-periklu tal-mewt.
Il-Maġistrat Joe Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.
//= $special ?>