Raġel ta’ 42 sena minn Ħaż-Żebbuġ ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li l-atteġġament tiegħu wassal lill-eks sieħba tiegħu tibża’ li se tintuża vjolenza kontriha u dan wara li kien jiffastidjha. L-Ispettur Antonello Magri qal lill-Qorti li l-allegata vittma kienet irrapportat li kienet qed tiġi segwita mill-eks sieħeb tagħha li magħha kienet involuta f’relazzjoni ta’ sentejn u li ġiet mitmuma xi xhur ilu.
Hija qalet li kienet issibu kullimkien, inklużi l-viċinanzi tal-post tax-xogħol tagħha. Hija stqarret ukoll li aġir bħal dan kien sors kbir ta’ biża’. L-Ispettur Magri, meta mistoqsi mill-avukati difensuri għaliex l-akkużat ġie arrestat f’termini ta’ mandat ta’ arrest, innota li valutazzjoni tal-periklu li saret irritornat riżultat ta’ ‘severa’.
Fl-istess ħin kien ikkonfermat li madankollu ma kien sar ebda theddid mill-akkużat. L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Il-libertà proviżorja ntalbet mid-difiża. Filwaqt li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat fuq il-bażi li l-allegata vittma kienet għadha trid tixhed; madankollu saret referenza għall-imġieba kriminali nadifa tal-akkużat kif ukoll il-kooperazzjoni sħiħa tiegħu mal-pulizija.
Sussegwentement ingħatat il-libertà proviżorja. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ 5,000 ewro.
Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara u l-familjari tagħha, wara li l-prosekuzzjoni nsistiet li ċertu nċidenti bejn l-akkużat u l-mara saru quddiem il-minuri tal-mara. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri. L-akkużat kien rappreżentat mill-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta.
//= $special ?>