Internazzjonali

Russja: Putin mill-ġdid jirreferi għall-armi nukleari ‘u l-periklu taċ-ċirkustanzi’ waqt konferenza maratona

Il-President Russu Vladimir Putin, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet maratona tal-aħħar tas-sena, tkellem dwar diversi sitwazzjonijiet ta’ importanza kbira ġeopolitika… fejn tratta fost l-oħrajn il-gwerra fl-Ukrajna, l-aħħar żviluppi fis-Sirja u aspetti oħra ta’ natura domestika u internazzjonali.

U waqt li Putin għamel li seta’ biex iwassal messaġġ “mill-isbaħ” lill-poplu, hu ma żammx lura milli jindirizza wkoll l-aspett nukleari – wara li pajjiżu kemm-il darba sostna li għandu d-dritt li juża l-armamenti għall-qerda tal-massa f’ċirkustanzi fejn Moska tispiċċa mhedda mill-pajjiżi tal-Punent.

Putin  kompla fuq din it-tema wara li hu, ix-xahar li għadda, approva kundizzjonijiet ġodda li jippermettu biex ir-Russja tuża l-armi nukleari fil-konfront tal-għadu… kemm-il darba tqis li dan hu neċessarju.

U l-Mexxej Russu, waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet speċifiċi, sostna li wieħed għandu jistaqsi jekk il-messaġġ ta’ Moska hux qed jasal sew għand il-pajjiżi tal-Punent.

Vladimir Putin spjega li pajjiżu jinsab dejjem konxju dwar it-theddid fuq pajjiżu minn aspett militari u insista li f’każ li xi pajjiżi jimponu theddida lir-Russja, it-tmexxija f’Moska temmen li għandha d-dritt biex tirrikorri għall-armi nukleari bħala difiża.

Waqt il-konferenza spikkat anki l-issue tas-Sirja li r-Russja ilha tappoġġjaha bħala alleata ewlenija fil-Lvant Nofsani fiż-żmien kollu li l-pajjiż Għarbi kien immexxi mill-familja tal-President Bashar al-Assad – President li fl-aħħar ġranet kien kostrett li jaħrab lejn Moska.

Bashar al-Assad ilu ma jidher fil-pubbliku sa mill-wasla tiegħu fir-Russja… u Putin, waqt il-konferenza, ċaħad li d-disfatta għad-dittatur għandha titqies bħala telfa jew sitwazzjoni umiljanti għar-Russja.

U bħalma kien mistenni, Putin tkellem anki fit-tul dwar il-gwerra fl-Ukrajna fost l-ispjegazzjoni li l-kunflitt  assuma element ta’ gwerra globali. Hu kompla li pajjiżu jinsab eqreb ir-rebħa f’din il-gwerra’ iżda żamm lura milli jgħid meta r-Russi jistgħu jieħdu lura l-kontroll sħiħ ta’ Kursk.

Fl-istess ħin, hu saħaq li messu ħa azzjoni aktar qabel fir-rigward tal-Ukrajna u li t-tħejjijiet għall-invażjoni ta’ dan il-pajjiż, fl-2022, setgħu kienu aktar intensivi.