Lokali Qorti

Sentenza sospiża u xogħol fil-komunità fuq serq

Żagħżugħ Libjan ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ordnat jagħmel 100 siegħa xogħol fil-komunità wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia li f’Novembru tal-2023 seraq eluf ta’ ewro fi flus kontanti minn appartament f’San Ġiljan. Il-ħati għandu problema kbira ta’ droga u alkoħol.

Rida Faraj Salim Alshoshi minn Tripli li llum għandu 19-il sena u joqgħod San Ġiljan, ammetta li fil-25 ta’ Novembru tas-sena l-oħra seraq aktar minn €5,000 u li bejn l-14 u l-15 ta’ Ottubru tas-sena 2023, minn pompa tal-petrol, li tinsab fl-Imsida, għamel ħsara u għarraq ħwejjeġ ħaddiehor, liema ħsara tammonta għal aktar minn €250.00 iżda mhux aktar minn €2,500.

Fl-ikkalibrar tal-piena, il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni li l-imputat ikkopera mal-Pulizija u rreġistra ammissjoni fl-iktar stadju bikri tal-proċeduri. Għalhekk huwa ma ħeliex ir-riżorsi tal-forzi tal-ordni u tal-Qorti.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li meta ġew kommessi r-reati l-imputat kellu biss 18-il sena, u l-fedina penali tiegħu hija waħda netta. Madankollu, mill-atti ma jirriżultax li l-imputat radd lura l-flus minnu misruqa mertu u lanqas ħallas għad-danni minnu ikkaġunati.

Mill-atti jirriżulta li l-imputat mill-appartament f’San Ġiljan, seraq l-ammont ta’ bejn il-€5,000 u €6,000 fi flus kontanti. Il-Qorti wissiet lill-imputat bil-konsegwenzi serji tal-ammissjoni tiegħu u li l-piena
massima għall-imputazzjonijiet dedotti kontra tiegħu hija ta’ sitt snin u seba’ xhur priġunerija u ssospendiet is-seduta sabiex l-imputat jikkonsulta mal-avukat difensur tiegħu biex jara jekk iridx jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu.

Meta reġgħet issejħet il-kawza, il-Qorti staqsiet lill-imputat jekk kellux ħin biżżejjed sabiex jikkonsulta mal-avukat difensur tiegħu u hu wieġeb fl-affermattiv. Mistoqsi mill-Qorti jekk jikkonfermax l-ammissjoni tiegħu, l-imputat ikkonferma.

Il-Qorti semgħet ix-xhieda u rat il-pre-sentencing report tal-uffiċjal tal-probation, Noelene Cassar, fis-seduta tad-29 ta’ Mejju 2024. Rat ukoll in-nota ta’ sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni, u rat li d-difiża ma ippreżentatx nota ta’ sottomissjonijiet risponsiva fit-terminu lilha preskritt.

Il-Maġistrat Farrugia fuq ammissjoni tieghu stess, issib lill-imputat ħati tal-imputazzjonijiet kollha
dedotti fil-konfront tiegħu. Il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni li l-imputat ikkopera mal-Pulizija u rreġistra ammissjoni fl-iktar stadju bikri.

Fil-pre-sentencing report tal-Uffiċjal tal-Probation qalet: Waqt it-tħejjija ta’ dan ir-rapport, ġew identifikati numru ta’ aspetti f’ħajjet l-imputat li jirrikjedu attenzjoni partikolari sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ reċidivizmu.

Għalkemm teżisti xi tip ta’ stabbiltà f’ħajjet l-ikkonċernat, jidher li din ma kinitx biżżejjed sabiex timpedih milli jxellef difrejh mal-liġi. Hekk kif stqarrew il-familja tal-imputat, u anke hu stess, jidher li għandu jkun opportun li jingħata l-għajnuna sabiex ifittex impjieg u għaldaqstant jibda jħossu aktar utli.

Billi l-imputat ikun qiegħed jimla l-ħin liberu tiegħu, dan iwassal sabiex ikun hemm tnaqqis fl-użu tas-sustanza tal-cannabis. Apparti minn hekk, fil-fehma tal-Uffiċjal tal-Probation, hemm bżonn li tiġi evalwata
aktar fid-dettall is-sitwazzjoni tal-imsemmi fejn jidħol l-użu tax-xorb alkoħoliku.

Fl-istess waqt, ikun utli jekk jindirizza l-aspett soċjali tiegħu, dan hekk kif jirriżulta li l-ħbieb li qiegħed jagħżel mhumiex ta’ influwenza tajba fuqu, u dan jista’ jagħti l-każ li jkompli jwasslu sabiex ixellef difrejh mal-ġustizzja kriminali.

Fid-dawl tal-informazzjoni miġbura għall-fini ta’ dan ir-rapport, l-Uffiċjal hija tal-fehma li l-piena li jingħata Rida Faraj Salim Alsoshi, kif ukoll dawn il-proċeduri fil-konfront tiegħu, għandhom iservuh bħala twissija serja li m’għandux jinnega l-ligijiet, ir-regolamenti u r-responsabilitajiet li jġibu magħhom.

Il-piena għandha twassal lill-imputat sabiex ma jkunx ripetut aġir simili fil-futur. Għaldaqstant, l-Uffiċjal tal-Probation qiegħda umilment tirrakkomanda li Rida Faraj Salim Alshoshi jingħata Ordni
ta’ Probation u Servizz skont l-Artikolu 18 tal-Kap. 446 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Din l-Ordni għandha sservi ta’ deterrent għall-imputat, filwaqt li ssir superviżjoni xierqa. Kif ukoll permezz tal-element tax-xogħol iħossu utli għall-benefiċċju tas-soċjetà, u jitgħallem juża l-ħin tiegħu f’aktar mod xieraq.

Għalkemm il-Qorti taqbel fil-piena karċerarja effettiva mhix idonea fid-dawl tal-eta żgħira tal-imputat u li l-fedina penali tiegħu hija waħda netta. Min-naħa l-oħra hija tal-opinjoni li l-miżura li għandha tittieħed kontra l-imputat m’għandhix tkun biss ta’ Ordni ta’ Probation u Servizz, iżda din għandha tkun abbinata ma’ sentenza ta’ ħabs sospiża, u dan mhux biss fid-dawl tal-gravità tar-reati li huwa kkommetta.

Imma wkoll għaliex il-Qorti hija preokkuppata b’osservazzjonijiet oħra li għamlet l-Uffiċjal tal-Probation fil-korp tar-rapport u anke fix-xhieda tagħha, u ċioè li minkejja l-ammissjoni tiegħu l-imputat mhux qed jieħu responsabbilità tal-aġir tiegħu.

Fil-fatt l-Uffiċjal tal-Probation osservat li minkejja li l-imputat “saħaq li jiddispjaċih talli għamel, baqa’ sal-aħħar tal-kumpilazzjoni tar-rapport ma jerfax ir-responsabilità ta’ għemilu. Meta l-imputat ġie mistoqsi rigward il-possibbiltà ta’ medjazzjoni, Rida saħaq li huwa ma tantx għandu interess sabiex jipparteċipa f’dan il-proċess, hekk kif iħoss li dan il-każ kien wieħed minuri.”

Minkejja l-età żgħira tiegħu, l-imputat la jrid ikompli jistudja u lanqas irid jaħdem, u jqatta’ l-ġurnata tiegħu mal-ħbieb jabbuża mix-xorb alkoħoliku u mid-droga. Dan kollu ma jindikax li l-imputat huwa verament iddispjaċut mill-aġir tiegħu u huwa ġenwinament motivat li jitbiegħed mit-triq tal-kriminalità fil-futur.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti hija tal-opinjoni li l-imputat għandu jingħata messaġġ ċar, li jekk hu se jerġa’ jxellef difrejh mal-ġustizzja, il-konsegwenzi għalih se jkunu serji ħafna. Il-Qorti ordnat li kopja ta’ din is-sentenza, inkluż l-Ordni ta’ Superviżjoni u l-Ordni ta’ Servizz fil-Komunità annessi magħha, tintbagħat lid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u Parole.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Brian Xuereb.