Kienet atmosfera unika dik li ddominat it-toroq tal-Belt tul is-serata tal-Erbgħa, bil-ħoss ta’ qniepen iċekċku u l-pass ta’ mija u ħamsin suldat… li waslu fil-kapitali wara mixja minn Pembroke.
Dan hekk kif għal ħames sigħat sħaħ, it-tielet Reġiment tal-Forzi Armati mexa flimkien f’inizjattiva ta’ solidarjetà li kellha l-għan li tiġbor fondi għal Puttinu Cares.
Il-mixja bdiet fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar minn Pembroke, fejn is-suldati, maqsuma fi tliet gruppi, telqu fuq rotta li ħadithom minn San Ġiljan lejn Tas-Sliema, il-Gżira, u l-Imsida… qabel ma waslu sal-Belt Valletta.

Matul it-triq, il-gruppi waqfu f’diversi lokalitajiet biex jiġbru donazzjonijiet mingħand in-nies, li ħarġu biex jagħtu l-appoġġ tiegħhom.

Intant, it-tliet gruppi ngħaqdu fi grupp wieħed quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta, fejn minn hemm għalqu l-mixja tagħhom u mxew flimkien lejn Pjazza San Ġorġ. Huma ġew milqugħa b’ċapċip u kliem ta’ apprezzament mill-pubbliku li kien qed jistennihom.

Din l-inizjattiva ġabret fondi għal Puttinu Cares, b’mod speċjali għall-proġett tagħhom fl-Ingilterra biex jinbnew appartamenti għal familji Maltin li jkunu qed jaffaċċjaw sfidi serji relatati ma’ mard gravi. Grazzi għall-ħidma bla waqfien tal-Forzi Armati u l-ġenerożità tal-Maltin, il-ħolma li jkomplu jgħinu lil dawn il-familji qed issir dejjem aktar realtà.
