Raġel ta’ 51 sena, residenti Bormla ġie kundannat 18-il xahar ħabs mill-Maġistrat Monica Vella wara li nstab ħati li fit-28 ta’ Diċembru ta’ sitt snin ilu seraq karozza minn Ħal Qormi, ħarab mill-kustodja tal-Pulizija u li sar riċediv.
Huwa nstab ħati li seraq u għamel ħsara fuq trakk ta’ bejjiegħ tal-fjuri fl-2018. Missier il-bejjiegħ kien qed iniżżel xi fjuri mit-trakk qrib il-Ċimiterju tat-Torok fil-Marsa, l-parti li tagħmel ma’ Ħal-Qormi u l-akkużat serqu. Il-missier xehed li kien ħalla ċ-ċwievet fit-trakk u dlonk sema’ lil xi ħadd jeħodhom u jaħrab bil-vann.
Iżda peress li t-trakk kellu isem il-kumpanija u n-numru tal-mowbajl fuqu, il-pulizija ma tantx damu biex sabu lill-akkużat. Aktar tard dakinhar li seħħet is-serqa, raġel mill-Imqabba ċempel lin-numru wara li sab it-trakk ipparkjat quddiem il-garaxx tiegħu, bil-bonnet, bumpers u l-batterija maqlugħin. Mill-cameras tas-sigurtà li ġew elevati, il-Pulizija identifikat lil Ben Hamed peress li kien magħruf magħha.
Abdulsalam Ben Hamed li huwa Libjan għandu problema akuta ta’ droga u jidher li meta ma jkunx il-ħabs ma joqgħodx bil-għaqal. Mill-provi jirriżulta li l-imputat seraq il-vettura li kienet f’kundizzjoni tajba għall-ħabta tat-8am.
Meta instabet il-vettura kellha diversi ħsarat. Il-Qorti qalet ukoll li minn dak li semgħet hija sodisfatta li l-prosekuzzjoni irnexxielha tipprova li l-imputat huwa recediv – kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà provizorja in konnessjoni mad-digriet tal-Qorti tal-Appell Kriminali ppreseduta mill-Imhallef Edwina Grima fl-10 ta’ Ottubru 2018.
In vista tax-xhieda mogħtija mill-ufficcjali tal-pulizija, l-Qorti hi wkoll sodisfatta li waqt li kien arrestat in konnessjoni mal-investigazzjoni tas-serqa tal-vettura hu ħarab mill-għassa tal-pulizija ta’ Ħal-Qormi. Bħala difiża tiegħu l-imputat jissottometti li dak li għamel kien minħabba l-użu u il-vizzju qerriedi tad-droga.
Il-Qorti kif ppreseduta kkonvertiet ruħa f’Qorti tad-Droga u bagħtet lill-imputat quddiem il-Bord għar-Rijabilitazzjoni ta’ Peruni li jinqabdu bid-Droga sabiex jirriabilità ruħu. “Huwa ma jistax jipponta ruħu lejn il-Qorti u jgħid li ma tagħtux opprtunità li jindirizza l-problema akuta tad-droga f’dawn l-ahhar ħames li ilha tkaxkar din il-kawża”, qalet il-Maġistrat Vella.
Jirriżulta li meta jkun il-ħabs l-imputat iġib ruħu pressa poco sew, joqgħod ‘l bogħod mid-droga u jaħdem bi profitt ghalih. Dan hu kollu pożittiv. Jidher li pero’ meta joħroġ mill-konfini tal-ħabs hu jbiddel l-atitudni u jerġa’ jaqa’ għal vizzju tad-droga u s-serq.
Barra minn dan jidher li hu diġa’ beda programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga pero’ twaqqaf ghax ma kienx qed jikkopera u jifhem l-iskop tal-programm. Jirriżulta mill-atti li jekk l-imputat jerġa’ jingħata iċ-ċans barra l-konfini tal-ħabs mhux se jkun kapaċi jimxi fi triq tas-sewwa.
Il-Qorti hija imħassba li fil-prattika jista’ jwettaq reat jekk ma jkunx fi spazju ikkontrollat bħal ma hija l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Qorti qalet ukoll li ma tistax tinjora ukoll li l-imputat għandu fedina penali
ikkulurita’ kif ukoll li għadu ma ħallasx lill-vittma tar-reat u minflok il-flus li qala’ tul dan il-perjodu twil tal-kawża intefqu fuq drogi!
Il-Qorti tenniet li għandha dmir ukoll li tipproteġi lill-vittmi tal-kriminalità u ma tħallix lill-imputat jagħmel vittmi ġodda. Għar-rigward ta’ piena l-Qorti, wara li ħasbet fit-tul u qieset il-fatturi, tqis li l-piena ta’ priġunerija effettiva hija idonea biex b’hekk id-Direttur tal-Facilita’ jilħaq ifassal dak il-programm neċessarju bil-għan li l-imputat jirkupra mill-vizzju qerriedi tad-droga u jindirizza problemi oħra li jista’ jkollu.
B’hekk hu jkun jista’ jintbagħat fl-aħħar sena tas-sentenza fi programm biex jirrijabilita ruħu għal kollox
mid-droga u jitgħallem jgħix fis-soċjetà. Għaldaqstant il-Qorti sabet lil Abdulsalam Ben Hamed ħati tal-akkużi kollha dedotti fil-konfront tiegħu u kkundannatu għall-piena ta’ priġunerija effettiva ta’ 18-il xahar li minnhom għandu jitnaqqas il-perjodu li l-imputat għamel taħt arrest preventiv in konnessjoni ma’ dawn il-proċeduri.
Il-Qorti ħarġet ukoll Ordni ta’ Pagament kontra l-ħati u qed tordna li Abdulsalam Ben Hadem jikkumpensa lill-vittma għal ħsara fuq il-karozza, s-somma ta’ €545.35ċ fi żmien xahar mid-datat tas-sentenza. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tad-depożitu fl-ammont ta’ €1,000 imħallas mill-imputat meta ngħata l-ħelsien
mill-arrest mogħti mill-Qorti tal-Appell Kriminali kif ukoll il-Qorti ordnat l-konfiska fl-ammont ta’ €1,000 mill-ammont ta’ garanzija personali ta’ €10,000 li kien obbliga ruħu ai termini ta’ l-istess digriet tal-ħelsien mill-arrest.
Finalment, il-Qorti tirrakkomanda lid-Direttur tal-Agenzija għas-Servizzi Korrettivi biex immedjatament jibda l-preparamenti meħtieġa sabiex l-imputat jingħata kull għajnuna possibbli biex jagħmel
programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion.
Il-Qorti ordnat li kopja ta’ din is-sentenza tiġi ikkomunikata lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, lill-Ministru tal-Ġustizzja kif ukoll lill-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali sabiex jiġi kunsidrat u jsiru l-emendi meħtiega rigward dak li tipprovdi l-liġi dwar il-postijiet ta’ kustodja.
//= $special ?>