L-Inter Amateur Soccer Competition (IASC) rebħu t-tieni edizzjoni tat-tournament b’risq Step Up For Parkinson’s organizzat mill-Assoċjazzjonijiet Membri fi ħdan il-Malta Football Association b’rebħa konvinċenti ta’ 3-0 fil-finali kontra t-tim ‘A’ tal-Malta Amateur Football Association (MAFA).
It-tmien timijiet parteċipi kienu maqsumin f’żewġ gruppi bl-ewwel tnejn jgħaddu għas-semifinali. Fi Grupp A l-Industries Sports Association (ISA) u t-tim ‘A’ tal-MAFA għelbu l-isfida tal-Masters Football Malta u l-GIDA League u kkwalifikaw għas-semifinali, filwaqt li minn Grupp B kienu Veterans Malta Football Association u l-IASC li eliminaw lit-tim ‘B’ tal-MAFA u SWAN Amateur League sabiex ikkwalifikaw mal-aħħar erbgħa.
Fis-semifinali, l-IASC irreġistraw rebħa kbira ta’ 6-0 kontra l-ISA sabiex kisbu post fil-finali għat-tieni sena konsekuttiva, filwaqt li l-mixja tar-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni, Veterans, ġiet imwaqqfa mit-tim ‘A’ tal-MAFA għaliex kienu dawn tal-aħħar li rebħu dan il-konfront bl-iskor ta’ 3-1 f’partita missielta. Fil-finali kienu l-IASC li wrew l-aħjar ideat u meritatament rebħu dan it-tournament bi tliet gowls sbieħ mingħajr risposta, minkejja l-isfida denja li offra t-tim ‘A’ tal-MAFA.
Fi tmiem it-tournament, il-Viċi President tal-MFA Adrian Casha preżenta t-trofej liż-żewġ timijiet finalisti u f’kelmtejn tal-okkażjoni kellu kliem ta’ tifħir għall-plejers, il-kowċis, u l-amministraturi fi ħdan l-Assoċjazzjonijiet li ħadu sehem f’dan il-ġest nobbli ta’ solidarjetà ma’ aktar minn elfejn persuna f’pajjiżna li jbatu minn din il-kundizzjoni newroloġika, sabiex persuni bil-Parkinson’s ikollhom l-opportunità li jgħixu ħajja aħjar.
Il-partiti kollha ntlagħbu fis-Centenary Stadium, li kien ġentilment offrut mill-Malta Football Association, filwaqt li r-referis kienu Alexander Arena, Stefan Pace, u Mark Spiteri.
Is-somma miġbura kienet ta’ €3,500.
//= $special ?>