Lokali Qorti

Liberat li stupra kollega wara li x-xhieda tal-vittma tqieset xejn kredibbli

Żvediż ġie lliberat minn Qorti Maltija minn akkużi li ħames snin ilu stupra u ta fastidju lill-kollega mara fuq il-post tax-xogħol meta kien qiegħed fir-residenza tagħha. Il-Maġistrat iddeċiediet li l-verżjoni tal-ġrajjiet li seħħew f’appartament fis-Swieqi fl-2019, kienet aktar kredibbli dik tar-raġel minn dik mogħtija mill-allegata vittma.

Marcel Andres Ekvall Parada ta’ 30 sena, li kien joqgħod Tas-Sliema, kien ġie akkużat bi stupru tal-kollega, li ffastidjaha u li kien fil-pussess tal-kokaina f’ċirkostanzi li indikaw li ma kinitx għall-użu personali tiegħu u dan f’Jannar tal-2019.

Il-Pulizija kienet ġiet infurmata li kien hemm mara fi Triq is-Sidra, fis-Swieqi, li kellha bżonn l-għajnuna wara li allegatament ġiet stuprata. Il-vittma allegat li kienet qed tgħix ma’ raġel ieħor u ltaqgħet mal-akkużat. Waqt li kienu qed jixorbu flimkien, kienu xorbu ħafna u allegatament ikkunsmaw il-kokaina.

Spjegat ukoll li marret Paceville miegħu u li meta marru lura fir-residenza fejn kienet qed tgħix, Ekvall Parada stupraha. Meta l-Pulizija staqsiet lill-vittma jekk l-akkużat kienx ġab ruħu b’mod indiċenti magħha, hi rrakkuntat kif darba kien qalilha kliem indiċenti u qabadha minn wara.

Meta l-akkużat intalab jispjega x’ġara, huwa kkonferma li kien qed jixrob ħafna iżda qal ukoll li meta kien fil-kamra mal-vittma, hija kienet uriet sinjali li riedet tagħmel sess miegħu. Qal ukoll li fi stadju minnhom il-vittma rrabja, daħal fil-kamra fejn kien hemm raġel u eventwalment hi telqet ‘l hemm.

Il-Pulizija kienet ġiet infurmata bl-inċident fit-13 ta’ Jannar 2019, meta wieġbet għat-talba tal-mara fl-4.35 ta’ filgħodu għall-assistenza f’residenza fis-Swieqi. Il-mara ta’ dak iż-żmien li kellha 20 sena qalet lill-uffiċjali li ġew fl-appartament tagħha li kienet għadha kif ġiet stuprata minn Parada.

Hija sostniet li kienet stidnitu għal xorb biex tintroduċih mal-‘flatmate’ il-ġdid tagħha, raġel ieħor barrani li kien rieqed f’kamartu meta seħħ l-allegat inċident. Hija baqgħet waħedha ma’ Parada wara li l-ħabib tagħha mar jorqod għall-ħabta tal-10pm.

Dak kien meta l-akkużat, skont hi, issuġġerixxa li għandhom imorru fil-kamra tagħha. Iżda ppruvat tbiddel is-suġġett, u tissuġġerixxi li minflok toħroġ Paceville. It-tnejn ħarġu jixorbu fi ftit bars. Meta wasal il-ħin li tmur id-dar, Parada insista biex isegwiha, hija sostniet.

Huwa mar magħha fil-flat u fil-kamra tagħha. Kellhom jorqdu f’sodod separati. Iżda hekk kif kienet mimduda fuq ġenbha, tistennieh biex jorqod biex tkun tista’ toħroġ barra mill-kamra, spiċċat raqdet. Qamet f’daqqa waħda, u ħasset il-preżenza tiegħu ħdejha wara daharha.

Dak kien meta ndunat li kien qed jistupraha, l-ewwel analment, imbagħad fil-parti privata tagħha. Qamet u ħarġet lejn il-kamra ta’ dak li kien qed jgħix magħha, wisq ixxukkjata biex setgħet tispjega x’ġara. Parada mar warajha fil-kamra, u staqsiet x’kien ġara.

Hija qalet li spiċċat ħarbet lejn it-triq. L-akkużat dejjem wieġeb mhux ħati. Waqt l-akkużi tiegħu, l-avukat tiegħu Alfred Abela, kien talab lill-Qorti biex taħtar espert biex jippreserva messaġġi skambjati bejn l-imputat u l-allegata vittma fil-jiem ta’ qabel l-allegat stupru.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marsanne Farrugia, qieset li kemm l-akkużat kif ukoll il-vittma taw verżjonijiet differenti tal-lejl tal-inċident u kien hemm xi diskrepanzi fil-mod kif taw ix-xhieda tagħhom. Il-Qorti semmiet ukoll li l-vittma fil-bidu qalet li l-akkużat ippenetraha iżda wara qalet li pprova jippenetraha, fatt li t-tobba li eżaminawha rrimarkaw li ma kienx hemm DNA maskili fuq il-vittma.

Dwar l-akkuża ta’ fastidju, il-Qorti qalet li ma sabet l-ebda prova ta’ dan u li kieku l-vittma kienet tibża’ mir-raġel, ma kinitx tistiednu biex imur għandha. Meta l-Qorti daħlet fil-fond dwar dak li kienet semgħet, qalet li l-vittma l-ewwel qalet lill-Pulizija li l-akkużat ippenetraha darbtejn.

Meta xehdet quddiem espert tal-Qorti, hija bdiet tbiddel dik il-verżjoni u qalet li kien hemm attentat ta’ penetrazzjoni anali. Meta xehdet aktar tard quddiem il-Qorti, hija “saħansitra ħalliet barra kull attentat ta’ penetrazzjoni anali,” osservat il-Maġistrat Farrugia.

Tali inkonsistenzi kisbu importanza akbar fid-dawl tal-evidenza medika. Espert ġinekoloġiku li eżamina lill-allegata vittma qal li hija semmiet “attentat ta’ kopulazzjoni sesswali.” Dan ma sab l-ebda trawma, bħal grif, irritazzjoni, sinjali jew tbenġil fuq il-pazjent.

Espert ieħor ikkonferma wkoll li l-mara bidlet il-kalunja tagħha minn “penetrazzjoni” għal “attentat.” Espert tad-DNA ma sab ebda profil ġenetiku estranju fuq kampjuni meħuda mill-mara. Dan kien sinifikanti peress li qalet lill-Pulizija li hija “ma nħaslitx wara l-inċident.”

Kien hemm “nuqqas totali ta ‘evidenza medika forensika,” osservat il-Qorti. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-mara kienet żgħira filwaqt li l-akkużat kien “mibni tajjeb ħafna,” in-“nuqqas sħiħ ta’ kwalunkwe tip ta’ trawma fiżika fuq ġisimha kien saħansitra iktar inspjegabbli.”

Il-‘flatmate’ tal-allegata vittma tefa’ aktar dubju fuq ix-xhieda tagħha. Qal li kienet l-idea tagħha “mill-bidu” li toħroġ tiddeverti dak il-lejl. Il-mara sostniet li ssuġġeriet li tmur Paceville biex ma tiltaqax ma’ Parada.

Iżda sms li bagħtitlu dakinhar filgħaxija dehru li jindikaw mod ieħor. “Fejn int?” “Qed infittxuk.” “Ikteb fejn int, trid insibek.” Tali evidenza kompliet “tnaqqas” il-kredibbiltà tagħha bħala xhud. Il-mara semmiet ċerti inċidenti preċedenti li wasslu lill-Pulizija biex tistħarreġ lil Parada għal allegat fastidju.

Madankollu, il-Qorti osservat li ma kien hemm “l-ebda evidenza indipendenti” li tikkorrobora l-allegazzjonijiet tal-vittma u l-Qorti ma qisithiex “xhud kredibbli”. L-imġiba tal-mara wriet biċ-ċar li hija “ma kinitx qed tkun imdejqa, allarmata jew taħt tensjoni emozzjonali” mill-azzjonijiet tal-akkużat.

Kieku kienet tassew ffastidjata, ma kinitx tistiednu għax-xorb, u tiddeskrivih lil sieħba tagħha bħala “raġel sabiħ.” Dwar l-akkuża ta’ pussess sempliċi ta’ kokaina, il-prosekuzzjoni bbażat ruħha biss fuq id-dikjarazzjoni tal-vittma li hija kienet rat “trab abjad” waqt li kienet qed tixrob ma’ Parada dakinhar filgħaxija f’Paceville.

Il-prosekuzzjoni ma pproduċiet l-ebda riżultat tossikoloġiku ta’ testijiet li saru fuq l-akkużat meta ddaħħal il-ħabs ftit wara l-allegat inċident. Il-Qorti reġgħet iddikjarat li l-allegata vittma ma kinitx “xhud kredibbli,” u ħelset lil Parada mill-akkużi kriminali kollha.

Għalhekk, il-Maġistrat illiberat lil Ekvall Parada mill-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Xerri. Għall-akkużat dehru l-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin.