Lokali

Investigazzjoni ġdida quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi

L-Oppożizzjoni se tressaq quddem il-Kumitat biex jiġu eżaminati r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Malta Film Commission flimkien mal-kontijiet ta’ entitajiet tal-gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għal Għawdex

Meta jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament fis-sena l-ġdida, il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) se jkollu quddiemu investigazzjoni ġdida li mistennija titfa’ aktar dawl fuq dak li kien għaddej fil-Ministeru għat-Turiżmu u fil-Ministeru għal Għawdex bejn is-sena 2020 u din is-sena. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ tal-ewwel, il-Kumitat Parlamentari se jkun qed jinvestiga wkoll dak li ħareġ mir-rapport tal-Awditur Ġenerali b’rabta mal-Kummissjoni Maltija tal-Films.

Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Darren Carabott, Graham Bencini u Claudette Buttigieg qalu li dan fid-dawl tal-iskandlu tal-Eks Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li t-tnejn instabu ħatja li wettqu frodi bi flus il-poplu meta taw konsulenza lill-mara ta’ wieħed minnhom.

Din l-investigazzjoni se ssir wara li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq biex jiġi eżaminat quddiem il-PAC ir-rapport li ħareġ l-Awditur Ġenerali f’Novembru li għadda bit-titlu Evaluating the role of the Malta Film Commission in promoting the Maltese film industry waqt li l-Kumitat se jintalab ukoll jeżamina l-kontijiet tal-awtoritajiet statutorji, inkluż entitajiet parastatali, li jaqgħu taħt dawn iż-żewġ Ministeri għall-perjodu ta’ ħames snin bejn l-2020 u l-2024.

Filwaqt li dan il-Kumitat Parlamentari ma jista’ joħroġ l-ebda kundanna jew ġudizzju, ix-Shadow Ministers qalu li l-Kumitat għandu l-funzjoni importanti li jagħmel skrutinju, kif ukoll tfittxija għall-verità u kontabbiltà minn persuni li jamministraw ħażin il-fondi pubbliċi.

Fid-dawl tal-aħbarijiet tal-aħħar ġimgħat dwar abbużi mwettqa minn Ministri tal-Gvern Laburista bi flus il-poplu – u b’mod partikolari wara l-kundanna uffiċjali ta’ dawn l-abbużi li wasslu għar-riżenja ta’ Ministru, b’Ministru sieħbu għadu sa issa jirreżisti li jwarrab – il-Partit Nazzjonalista kien ikun qed jonqos kieku ma jressaqx din it-talba quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, li huwa l-uniku Kumitat tal-Parlament immexxi mill-Oppożizzjoni.

Wara li nkixef fil-frodi li kkonfoffaw bejniethom l-Eks Ministru Clayton Bartolo u l-Ministru Clint Camilleri biex jagħtu job ta’ konsulenta għal kwazi €70,000 fis-sena lill-mara ta’ Bartolo mingħajr ma kellha l-kwalifiki, f’rapport differenti, l-Awditur Ġenerali investiga n-nefqa ta’ miljuni mill-Malta Film Commission.

L-Awditur Ġenerali sab fost l-oħrajn li:

·        Il-Kummissjoni Maltija tal-Films ma kellhiex bażi soda ta’ strateġija u business plans dwar in-nefqa fil-Malta Film Week

·        Il-Kummissjoni Maltija tal-Films ma pprovdietx rekords ta’ accounts u kuntratti – tant li l-Awditur Ġenerali ma setax jasal għan-nefqa sħiħa ta’ kemm swiet il-Malta Film Week

·        Il-Kummissjoni Maltija tal-Films ma tatx prova li n-nefqa ta’ miljuni fil-Malta Film Week kienet value for money

·        Il- Kummissjoni Maltija tal-Films kellha nuqqasijiet fil-governanza tajba – saħansitra ma pprovdietx lill-Awditur Ġenerali bil-minuti u ma tatx dettalji serji tan-nefqa li saret fil-Malta Film Week

·        In-nuqqas ta’ audit trail serju jwassal għal nuqqas ta’ kontinwità ta’ business, u nuqqas fil-prinċipji ta’ trasparenza, kontabbiltà, regolarità u value for money.

Dwar dan, il-Partit Nazzjonalista jemmen f’investiment bi pjan strateġiku u mill-aqwa fl-industrija tal-films – kemm għall-produzzjonijiet lokali iżda wkoll sabiex pajjiżna jkun attraenti għall-produzzjonijiet barranin. Iżda mhu se jaċċetta qatt li dan isir mingħajr ma l-Gvern Laburista jagħti rendikont ta’ kif qed jintefqu l-flus.

Ix-Shadow Ministers Darren Carabott, Graham Bencini u Claudette Buttigieg qalu li dan l-eżami quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi li quddiemu jitressqu x-xhieda biex jixhdu taħt ġurament fil-Kamra tad-Deputati, għandu jibda wara li l-Parlament jerġa’ jiltaqa’ wara l-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.