Ċittadin Bulgaru ta’ 32 sena residenti n-Naxxar, inżamm arrestat wara li allegatament ta daqqa ta’ ponn lis-sieħba tiegħu u tefagħha mit-taraġ għal isfel tad-dar tagħhom. Ir-raġel, li jaħdem bħala xufier tat-taxi, ġie mixli li kkaġuna lill-vittma, li magħha għandu tifel, ferita fiżika gravi.
Huwa ġie mixli wkoll li heddidha u kkaġunalha li tibża’ li se tintuża l-vjolenza kontriha. Il-Qorti ġiet infurmata li filgħodu nhar it-Tlieta li għadda, l-allegata vittma ressqet rapport fit-taqsima tal-vjolenza domestika, fejn qalet li waqt argument bejnha u bejn l-akkużat, dan tal-aħħar taha daqqa ta’ ponn u waddabha mit-taraġ tar-residenza tagħhom.
Sussegwentement irnexxielha tqum u toħroġ mill-garaxx. L-allegata vittma, ġiet infurmata l-Qorti, ġiet eskortata mill-Pulizija fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, fejn il-ġrieħi tagħha ġew iċċertifikati bħala ta’ natura gravi.
L-Ispettur Colin Sheldon innota li għalkemm il-vittma ġiet riferuta l-Isptar Mater Dei, hija rrifjutat tali referenza. Saret ukoll valutazzjoni tar-riskju u rritornat riżultat ta’ ‘perikolu varjabbli’. L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
Filwaqt li l-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata, tressqet talba għall-ħelsien mill-arrest. L-avukati difensuri infurmaw lill-Qorti li matul illejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa, il-mara kissret tieqa li tappartjeni għar-residenza tal-akkużat, daħlet f’din ir-residenza waqt li kienet fis-sakra u raqdet fuq sufan fil-garaxx.
Il-prosekuzzjoni, filwaqt li oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, ikkonfermat l-inċident. Fid-dawl tan-natura tal-akkużi u minħabba l-fatt li l-allegata vittma għad trid tixhed, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.
L-Avukat Miriayah Borg għall-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Colin Sheldon mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat Matthew Xuereb irrappreżenta lill-akkużat.
//= $special ?>