Mural ġdid, ispirat mill-passat u l-preżent ta’ Malta u li jirrifletti b’mod kritiku l-identità tagħha, inħadem minn studenti tal-Università ta’ Malta fit-tunnel taħt Triq Reġjonali li jgħaqqad il-kampus tal-Imsida mal-Kumpless Sportiv f’Tal-Qroqq. Il-mural ġie inawgurat mir-Rettur, il-Prof. Alfred Vella, flimkien ma’ rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Il-proġett, intitolat ‘Interdisciplinary Murals’, huwa mmexxi mill-Prof. Raphael Vella u Dr Edward Duca, u sostnut mill-Kunsill Malti għall-Arti permezz tal-iskema Arts in School. L-istudenti ħadmu mal-artist Spanjol tal-arti tat-triq, Pep Walls, li għenhom jirriflettu b’mod kritiku fuq it-temi diskussi mill-akkademiċi.
L-istudenti għamlu riċerka fuq diversi temi u għażlu approċċ li jgħaqqad l-identità lokali mal-identità tal-art, il-baħar u speċi endemiċi.
L-istudenti tal-MTL Art li ħadu sehem fil-mural huma Sherise Attard, Edera Muscat, Kristine Saliba Caruana, Peter Aquilina, Carlos Cutajar, Aden Cacciattolo, u Mikael Scicluna.

