Lokali Qorti

Tammetti li kienet qed tixrob Pepsi b’żewġ idejn waqt is-sewqan, bla liċenzja u pjanċi foloz

Mara li nqabdet tixrob flixkun Pepsi biż-żewġ idejn waqt is-sewqan, ammettiet diversi reati, fosthom ksur tal-kundizzjonijiet tal-pleġġ, sewqan mingħajr liċenzja, u użu ta’ pjanċi tan-numri foloz. Il-Pulizija waqqfu lil Miriam Caruana, ta’ 41 sena, wara li nnotat l-imġiba stramba tagħha meta kienet qed issuq.

Aktar stħarriġ wera li hija ma kellhiex liċenzja tas-sewwieq valida u assigurazzjoni tal-karozza, u kienet diġà soġġetta għal kundizzjonijiet ta’ pleġġ imposti minn Qorti qabel dan ir-reat. L-Ispettur fakkar li l-Ġimgħa stess, 20 ta’ Diċembru 2024, waqt li grupp ta’ uffiċjali tal-pulizija kienu spiċċaw mid-doveri tagħhom tal-Qorti u kienu fi triqithom lejn l-għassa tagħhom, innutaw karozza li kienet qed tinstaq minn mara li kienet qed tixrob flixkun Pepsi. bż-żewġ idejn.

L-Ispettur qal li kienet qed tixrob il-flixkun waqt is-sewqan u b’hekk ma kellhiex idejha fuq l-isteering. Barra minn hekk, il-mara kellha l-‘earphones’ f’widnejha waqt li kienet qed issuq. Il-Pulizija daqqet il-ħorn tal-karozza tagħhom, u l-mara mbagħad ġibdet mal-ġemb.

Meta ċċekkja d-dokumentazzjoni tal-identità tagħha, l-Ispettur innota li l-mara kienet qed tikser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ imposti fuqha minn Qorti preċedenti. Apparti dan, minn aktar tfittxija mill-Pulizija rriżulta li l-mara ma kellhiex liċenzja tas-sewwieq u assigurazzjoni tal-karozza valida, u l-pjanċi tan-numri tal-karozza tagħha kienu ta’ vettura oħra.

Il-mara wieġbet ħatja, madankollu d-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, li għalih il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx. Sussegwentement, il-Qorti laqgħet tali talba u spjegat il-kundizzjonijiet tal-akkużat għall-ħelsien mill-arrest, jiġifieri li hi trid tiffirma f’għassa tal-Pulizija, tħalli depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €21,500, fost ordnjijiet oħra.

L-Ispettur James Mallia mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Adriana Zammit assistew lil mara.