Hekk kif ninsabu biss ftit jiem ‘il bogħod mill-Milied, it-tfal Maltin diġà bagħtu eluf ta’ ittri lil Santa Klaws biex jgħidulu li huma kienu bilgħaqal u ma jistax jonqos li kitbulu x-xewqat tagħhom.
Net News żar il-binja tal-MaltaPost f’Ħal Qormi fejn hemmhekk rajna ammont żgħir mill-ħafna ittri li ntbagħtu minn dawn it-tfal. B’ħafna jagħmlu lista ta’ ġugarelli jew rigali oħra li jixtiequ jsibu taħt is-siġra tal-Milied.
Iżda, l-iktar messaġġi li laqtu l-għajn kienu dawk li ma talbux biss affarijiet fiżiċi għalihom infushom iżda minflok għamlu xewqa għal persuni li jafu, u anke għal dawk li lanqas biss jafu.
Fil-fatt, wieħed mill-messaġġi f’dawn l-ittri kien ta’ tifel li talab lil Santa Klaws iġib rigal lil ommu għaliex dejjem kienet omm mill-aqwa.
“A present for my mum – she has been fantastic.”
Iżda l-iktar messaġġ li miss il-qlub ta’ dawk li qraw dawn l-ittri kien dak ta’ tifel li jitlob sabiex ikollu sodda fejn jorqod għaliex m’għandux waħda.
“A bed cause I do not have any.”
B’tifla, wara li għamlet lista ta’ x’tixtieq hi, għalqet l-ittra tagħha sabiex Santa Klaws jaħseb ukoll għal dawk it-tfal fil-faqar ħalli dan il-Milied igawdu minn tal-anqas ġugarell wieħed.
“Give some toys to the poor!”
Bl-innoċenza tat-tfal ma tonqosx lanqas – b’uħud jaħsbu wkoll f’dawk it-tfal daqsxejn imqarbin sabiex huma wkoll jirċievu rigal u mhux ċomb.
Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo
//= $special ?>