Lokali

Il-Banda tal-Pulizija ta’ Malta ttella’ kunċerti f’Ruma u fl-Istat tal-Belt tal-Vatikan

Fl-aħħar jiem il-Banda tal-Pulizija ta’ Malta kienet impenjata barra minn xtutna, kemm f’Ruma kif ukoll fl-Istat tal-Vatikan, b’kunċerti mtellgħin biex ifakkru numru ta’ anniversarji, fosthom il-210 anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija, il-105 mit-twaqqif tal-istess Banda, is-60 anniversarju mir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u s-Santa Sede, kif ukoll għeluq it-88 sena tal-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku.

Proprju l-ewwel impenn tal-Banda tal-Pulizija ta’ Malta kien imtella’ fil-Bażilika ta’ Sant Andrea della Valle f’Ruma, b’kunċert vokali u strumentali fl-okkażjoni tat-88 sena tal-Q.T. il-Papa Franġisku, nhar it-Tlieta 17 ta’ Diċembru. Dan il-kunċert sar bi sħubija mal-Banda tal-Korp tal-Ġendarmerija tal-Vatikan u l-Kor Polifoniku tal-Bażilika Papali San Paolo Fuori le Mura, u sar taħt il-Patronċinju tal-Kardinal Elemozinier l-Eminenza Reverenda Tiegħu l-Kardinal Konrad Krajewski u l-Prepostu Ġenerali tal-Ordni tal-Kjerici Regolari Patri Salvador Rodea Gonzalez, C.R.

L-għada d-delegazzjoni mużikali tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta pparteċipat fl-Udjenza Ġenerali Papali ta’ nhar t’Erbgħa fis-Sala Paolo VI fl-Istat tal-Belt tal-Vatikan. Fost l-oħrajn, tul l-udjenza, il-Banda tal-Pulizija ta’ Malta esegwixxiet għadd ta’ innijiet, fost oħrajn anke l-‘Happy Birthday’ lill-Papa Franġisku waqt li kien dieħel fl-awla tal-Udjenza.

Ġiet ippreżenta wkoll donazzjoni ta’ €10,000 lill-Q.T. il-Papa Franġisku b’risq klinika tal-fqar li l-Papa
Franġisku jieħu ħsieb personalment. Din id-donazzjoni inġabret waqt avvenimenti li l-Banda
tal-Korp għamlet matul din is-sena, kif ukoll mingħand membri tal-Banda tal-Pulizija stess.

It-tielet u l-aħħar impenn tal-Banda tal-Pulizija f’Ruma, kien kunċert ieħor li ttella’ nhar il-Ħamis 19 ta’ Diċembru 2024 fil-Bażilika ta’ Santa Maria in Traspontina. Dan il-kunċert kien jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ diversi artisti Maltin.

Intant, wieħed se jkollu l-opportunità li jsegwi dawn il-kunċerti li saru mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija f’Ruma, hekk kif dawn se jkunu qed jixxandru fuq it-televiżjoni nhar is-27 u 28 ta’ Diċembru għall-ħabta tad-9pm.