Kienet atmosfera mill-isbaħ dik illi iddominat it-toroq tal-Belt Valletta hekk kif saret il-Purċissjoni tradizzjonali bil-Bambin. B’dawk preżenti jkantaw għanjiet popolari tal-Milied – purċissjoni li ssir f’diversi rħula madwar Malta u Għawdex.

Il-purċissjoni tal-Belt bdiet għall-ħabta tas-6:00 ta’ filgħaxija minn quddiem il-Knisja tal-Madonna tal-Vitorja u għaddiet mill-qalba tal-kapitali. Dan apparti li saret waqfa fil-KonKatidral ta’ San Ġwann fejn dawk preżenti ħadu sehem fin-Novena tal-Milied ta’ San Ġorġ Preca.

Din il-purċissjoni, mibdija minn San Ġorġ Preca ftit aktar minn mitt sena ilu, illum il-ġurnata ssir f’66 lokalità – u f’ħames postijiet oħra madwar id-dinja.
L-ewwel purċissjoni bil-Bambin kienet saret fl-1921 fil-Ħamrun; u nibtet minn xewqa li kellu San Ġorġ Preca li jiċċelebra l-Milied b’xi ħaġa speċjali biex kulħadd jifraħ bit-twelid ta’ Ġesù tarbija.
Il-purċissjoni, li tissejjaħ ukoll id-dimostrazzjoni tal-Milied, kull sena tiġbed lejha mijiet ta’ nies li jakkumpanjaw ix-xbieha tal-Bambin fil-maxtura – li tintrefa’ minn żgħażagħ u tfal, akkumpanjati minn fanali mdawlin u kant tal-għanjiet tal-Milied.
Wara l-purċssjoni jsir programm ta’ kant, il-prietka tradizzjonali tat-tifel, u anke l-qari ta’ poeżiji. U hi drawwa wkoll li jittella’ presepju għal dawk li jkunu attendew għall-purċissjoni.
Intant, is-Soċjetà tal-Mużew se ttella’ dramm bl-isem “West Bank” li se jsir fl-24 ta’ Diċembru fil-Mużew tas-Subien tal-Mosta.

