Lokali

L-iskambju tal-awguri mill-għola awtoritajiet tal-pajjiż

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, akkumpanjat mis-Sinjura AnneMarie Grech, wassal l-awguri tiegħu għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena lil l-għola awtoritajiet ta’ pajjiżna.

Dan hekk kif is-Sibt waranofsinhar, iltaqa’ mal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fil-Palazz Presidenzjali tal-Belt, u aktar tard matul il-ġurnata iltaqa’ wkoll mal-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna fil-Palazz tal-Arċisqof.

Waqt dawn l-iskambji l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalisra se jkompli jaħdem favur id-demokrazija kif ukoll se jkompli jaħdem favur il-governanza tajba. Dan filwaqt li rringrazzja lill-President kif ukoll l-Arċisqof għall-ħidma tagħhom.

Il-President minn naħa tagħha ma naqsitx milli tenfasizza fuq l-importanza tas-solidarjetà f’dan iż-żmien tas-sena. Anke minħabba l-fatt li l-ġimgħa d-dieħla, il-pajjiż ikun qed jingħaqad għall-maratona tal-Istrina – li se tirritorna l-għada tal-Milied.

Minn naħa tiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna wera tħassib kbir għall-attakk li seħħ fil-Ġermanja l-Ġimgħa filgħaxija dan filwaqt li sostna li f’pajjiżna għandna naċċertaw li qed tinżamm is-sigurtà. Apparti minn hekk, qal ukoll li jeħtieġ li nkomplu nwasslu l-messaġġ favur il-ħajja.

Intant, matul il-ġurnata tas-Sibt kien hemm ukoll żjarat mill-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ delegazzjoni immexxija mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali Micheal Piccinino.

L-awguri lill-President u lill-Arċisqof twasslu anke mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u mid-deputati tal-Partit Laburista; flimkien mal-Ispeaker Anglu Farrugia.

Aktar kmieni l-Prim Ministru, akkumpanjat minn martu Lydia Abela, wassal l-awguri lill-President u lill-Arcisqof. L-istess għamel il-Prim Imħallef Mark Chetcuti.