Lokali

“Matul l-2025 irridu nkomplu nwasslu l-messaġġ favur il-paċi” – L-ogħla awtoritajiet jindirizzaw ‘Milied Flimkien’

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Matul l-2025 irridu nkomplu nħaddnu l-valuri bil-għan li pajjiżna jimxi ‘il quddiem iżda fuq kollox irridu nkomplu nwasslu l-messaġġ favur il-paċi.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt il-messaġġ tiegħu fl-attività ‘Milied Flimkien’ fejn fost l-oħrajn tkellem fuq l-importanza tal-valuri u li nkomplu nħaddnuhom.

Bernard Grech sostna fuq l-importanza li nkunu hemm għal xulxin fejn fost l-oħrajna semma’ il-maratona tal-Istrina li ssir l-għada tal-Milied kif ukoll li nkunu hemm għal xulxin billi nagħtu l-ħin tagħna. Qal ukoll li jeħtieġ li tkompli l-ħidma sabiex pajjiżna jimxi ‘il quddiem u ntejbu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Huwa fakkar ukoll f’numru ta’ avvenimenti li ċċelebrajna din is-sena fosthom l-għoxrin sena mis-sħubija fl-Ewropa kif ukoll ħamsin sena mir-Repubblika.

Minn naħa tiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna saħaq fuq l-importanza tal-paċi u fakkar li hawn numru ta’ pajjiżi li bħalissa għaddejjin minn sitwazzjonijiet differenti fosthom il-Lvant Nofsani u l-Ukrajna. Huwa tkellem ukoll dwar l-attakk li seħħ il-Ġimgħa filgħaxija fil-Ġermanja filwaqt li sostna li d-dinja għandha tkompli taħdem favur il-paċi.

L-ispeaker Anġlu Farrugia qal li hawn ħafna nies li mhumiex ixxurtjati daqs l-oħrajn filwaqt li rrakkonta kif sal-Ġimgħa stess inqatlu nies innoċenti fil-Palestina. Huwa semma wkoll il-ġlied li għaddej fil-Libanu kif ukoll fl-Ukrajna. Hawnhekk, huwa saħaq fuq l-importanza tal-paċi.

Minn naħa tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela tkellem fuq il-ġenerożità tal-poplu u l-importanza tal-imħabba f’dan iż-żmien ta’ festi kif ukoll matul is-sena kollha. Il-Prim Ministru qal ukoll kif f’dan il-perjodu tiddomina l-għaqda fost il-familji.

Fil-messaġġ tagħha l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono aċċennat fuq l-importanza tad-diskussjoni kif ukoll irringrazzjat lill-poplu Malti u Għawdxi għall-ġenerożità tiegħu. Dan apparti li saħqet fuq l-importanza li nkomplu naħdmu favur il-paċi.