Chris Bonello, l-uffiċjal tal-Pulizija li fl-aħħar jiem kien involut f’inċident tat-traffiku serju, tkellem għall-ewwel darba fuq il-midja soċjali…fejn appella għall-importanza tal-għoti tad-demm – għotja li verament u b’mod tanġibbli tista’ tagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ numru kbir ta’ persuni.
Chris Bonello wassal messaġġ ta’ pożittività; messaġġ ta’ għaqda biex verament dan il-Milied nagħmlu differenza kbira lkoll kemm aħna
Huwa ikkonferma li m’għadux rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Madanakollu, stqarr li l-kundizzjoni tiegħu għadha waħda kritika u fraġli.
Chris Bonello rringrazzja lil kull min talab għalih u kull min wassallu messaġġ ta’ kuraġġ u pożittività – filwaqt li talab sabiex ma jżuruhx biex jevita kull riskju ta’ infezzjonijiet jew mard ieħor. Dan bil-għan li jkompli jistinka fir-rijabilitazzjoni tiegħu ‘l quddiem.
Chris Bonello appella dwar l-importanza tad-donazzjonijiet tad-demm hekk kif insista li din l-għotja tista’ tassew tagħmel differenza enormi biex issalva l-ħajjiet – speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena meta sfortunatament isiru għadd ta’ inċidenti.
Fuq Facebook, Bonello rringrazzja lill-qraba, il-ħbieb u l-kollegi tiegħu fil-Korp – flimkien mat-tim mediku li ta’ kuljum qed isibhom ta’ spalla fil-proċess ta’ fejqan tiegħu.
Huwa saħaq li qiegħed jiġġieled kuljum biex jirkupra …u jħares b’ħeġġa għall-mument meta jkun jista’ jingħaqad magħhom kollha.
Dan il-Pulizija li għandu 29 sena kien weġġa’ b’mod mill-aktar sfortunat meta intlaqat minn vettura waqt li kien wieqaf fil-ġenb tat-triq isewwi puncture. Hu kien ilu mill-ġimgħa l-oħra jissielet għal ħajtu – u wara numru ta’ interventi maġġuri, issa qaleb għall-aħjar.
//= $special ?>