Lokali

Id-deputat tal-Labour Katya de Giovanni taħt investigazzjoni

Ġimgħa oħra, u Membru Parlamentari Laburista ieħor taħt investigazzjoni.

Dan hekk kif il-backbencher Laburista Katya Degiovanni spiċċat taħt investigazzjoni mill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data wara li rmiet dokumenti b’informazzjoni sensittiva u personali tal-kostitwenti tagħha f’boroż taż-żibel; dokumenti li għal xi raġuni jew oħra spiċċaw imxerdin mat-toroq ta’ Ħaż-Żebbuġ.

L-investigazzjoni skattat wara li l-ġurnal Times of Malta rrapporta dak li seħħ fit-toroq tal-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Il-lista li Degiovanni iddisponiet minnha fiż-żibel kienet tinkludi, ismijiet, numri ta’ identità u numri tal-mobiles, kif ukoll informazzjoni dwar il-problemi tal-persuni – u saħansitra anke analiżi psikoloġika tal-persuni.

Professjonisti li għamlu kuntatt mat-Times spjegaw li ġeneralment tali informazzjoni tinżamm madwar 10 snin f’post sigur. U wara, dawn id-dokumenti jiġu shredded u jiġu mormija b’mod xieraq – mhux f’boroż taż-żibel b’dan il-mod.

Filwaqt li Katya De Giovanni saħqet li poġġiethom f’envelopes u boroż suwed, hija allegat li xi ħadd ħarbtilha fiż-żibel u xerridhomlha apposta.