Internazzjonali

Il-bullying u l-vjolenza wasslu għall-għeluq ta’ TikTok fl-Albanija

Il-Prim Ministru Albaniż, Edi Rama, qal li l-Gvern se jagħlaq is-servizz tal-video tat-TikTok għal sena minħabba li dan, skont hu, qed jinċita l-vjolenza u l-każi tal-bullying – partikularment fost it-tfal,

Dan meta ħafna ġenituri Albaniżi huma inkwetati dwar rapporti li t-tfal qed jieħdu s-skieken magħhom fl-iskejjel biex jużawhom waqt il-ġlied ma’ studenti oħrajn u biex jiddefendu ruħhom kontra l-bullies fil-klassi,

L-awtoritajiet Albaniżi  kellhom il-mijiet tal-laqgħat mal-għalliema u l-ġenituri wara l-qtil, f’Novembru, ta’ adolexxenti li spiċċa aggredit u maqtul minn adolexxenti ieħor li kien armat b’sikkina. It-traġedja seħħet wara tilwima bejniethom li allegatament kienet xprunata minn konfront fuq TikTok.

Il-Prim Ministru Rama, issa, informa lill-għalliema u l-ġenituri li  TikTok ‘se jkun magħluq għal kulħadd fir-Repubblika tal-Albanija’ – bid-direttiva tidħol fis-seħħ uffiċjalment f’xi żmien is-sena d-dieħla, għalkemm ma ngħatatx data speċifika.