Għawdex Lokali

Rampi, bini, ċnut u ħitan tas-sejjieħ

Ritratt: Matthew Tabone

It-truf ta’ stejjer li deħlin bħalissa għand Il-Mument dwar il-Ministru Clint Camilleri huma bil-bosta u waħda reċenti – qabel ma nħarġet iċ-ċanfira mill-Awditur Ġenerali dwar kif xogħlijiet fuq triq waħda f’Għawdex ġew jiswew xejn inqas minn €10.5 miljun aktar – hi proprju kif grazzi għal dan il-Baġit il-Ministeru għal Għawdex immexxi minn Clint Camilleri għamel diversi xogħlijiet fil-privat – lill-kostitwenti – li jittrattaw rampi tal-konkos, bini ta’ ċnut u anki ħitan tas-sejjieħ.

Qed nitkellmu dawr il-proġett infrastrutturali tat-triq li minn Triq l-Imġarr fin-Nadur twasslet għal Triq Sant’Antnin f’Għajnsielem. Proġett responsabbli minnu l-Ministeru għal Għawdex u li oriġinarjament kien ingħad li kellu jiswa mat-€8 miljun.

Jirriżulta li għal xi raġuni d-dati dwar it-tlestija ta’ dan il-proġett ma nżammu qatt u l-Baġit fir-rigward tal-istess proġett tħalla miftuħ… bħal qisu xi take-away.

Issa mir-rapport li għadu kemm inħareġ mill-Awditur Ġenerali jirriżulta li dan il-proġett ħa xejn inqas minn erba’ snin biex tlesta… iżda agħar minn hekk l-ispiża finali laħqet is-€17-il miljun, b’€1.5 miljun apparti għal spejjeż oħrajn… u li dwarhom hemm ħafna misteri.

“Jiġifieri dak li kellu jiġi jiswa mat-€8 miljun finalment spiċċa jiswa lill-Kaxxa ta’ Malta aktar mid-doppju! Jekk dan mhux skandlu ieħor gwapp li fiċ-ċentru tiegħu hemm il-Ministru bully Clint Camilleri, allura x’inhu,” qalilna sors importanti f’Għawdex li żied jispjegalna kif il-Ministeru għal Għawdex ħass li kien komdu għalih li mill-fondi/nefqa allokata għal dan il-proġett ikunu nklużi wkoll xogħlijiet għall-kostitwenti, fosthom rampi, bini ta’ ċnut u anki ħitan tas-sejjieħ!

Naturalment invista ta’ dan ix-xenarju kollu – issa wkoll il-ħruġ tar-rapport mill-Awditur Ġenerali – bla dubju ta’ xejn jew se jkollna omertà totali mill-istess Ministru Clint Camilleri, jew se joħroġ jiċħad, inkella se joqgħod inewwaħ li qed naqbdu miegħu!