Kultura Kurżitajiet Lokali

Bena ‘kastell tal-milied’ magħmul mill-ħelu

Hekk kif tidħol fil-lobby ta’ The Westin Dragonara tħossok donnu dħalt f’dinja oħra – fejn id-dettalji jdaħħluk f’atmosfera tal-Milied li qatt ma tkun ħsibt li tista’ ssib taħt saqaf wieħed. Kastell maestuż tal-ħelu, kollu magħmul bl-idejn, illi ta l-ħajja lil ħolma tal-Milied b’sengħa u dedikazzjoni.

Il-moħħ kreattiv wara dan il-proġett huwa ta’ Joseph Galea, pastry chef li għaraf kif ibiddel il-maġija tal-Milied b’mod li tinħass reali.

Madankollu, hu ma ħadimx waħdu – James Mifsud, l-Executive Chef ta’ din il-lukanda kien parti integrali minn dan il-proġett.

Ix-xogħol fuq dan it-torri ħa aktar minn 300 siegħa ta’ dedikazzjoni, fejn ġie iddisinjat u ffurmat kull dettall minn sugar paste. Din is-sena, it-tema hija waħda lokali, bil-bibien kkuluriti u ħabbata bis-Salib ta’ Malta – elementi li jaqblu perfettament mal-ispirtu tal-Milied.

Dan ix-xogħol involva aktar minn 85 kilogramma ta’ sugar paste, u kull biċċa tirrifletti l-imħabba għall-arti u l-kultura Maltija.

Net News kellu l-opportunità li jitkellem ma’ Joseph Galea u James Mifsud, li spjegaw il-ħsieb u d-dedikazzjoni f’dan il-proġett.

Fost dawk li żaru l-Kastell tal-Milied ta’ Joseph u James, kien hemm Anne Marie Grech, li ltaqgħet magħhom personalment.

Dan ix-xogħol qed jiġbed attenzjoni mhux biss għall-kobor u s-sbuħija tiegħu, iżda wkoll għall-istorja li jirrakkonta. Kull dettall jgħid ħafna – mhux biss dwar il-Milied iżda wkoll dwar il-passjoni, is-sengħa, u l-kultura Maltija.