Lokali

Bernard Grech jiftaħ il-bibien tad-Dar Ċentrali għall-awguri tradizzjonali tal-Milied

Kif inhi tradizzjoni ta’ kull sena fi żmien il-Milied, il-Partit Nazzjonalista fetaħ mill-ġdid il-bibien tiegħu għall-familji, l-anzjani, il-ħaddiema, iż-żgħażagħ, l-istudenti u t-tfal sabiex isiru l-iskambji tal-awguri għall-festi. Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jilqa’ fid-Dar Centrali lil mijjiet ta’ familji li waslu sabiex jawgurawlu għall-Milied u s-sena l-ġdida.

Akkumpanjat minn martu, AnneMarie Grech, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu l-opportunità jqatta’ ħin twil jitkellem man-nies u jisma’ minn għandhom x’inhuma l-aktar kwistjonijiet li bħalissa qed jinkwetawhom.

Preżenti kien hemm ukoll il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista flimkien mal-Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista u membri tal-Eżekuttiv. Dan apparti bosta korpi kostitwiti varji, li waslu wkoll l-awguri tagħhom.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab determinat li jibqa’ jaħdem sabiex il-familji jgawdu tassew mill-ġid li joħloq il-pajjiż, u sabiex jinħolqu oqsma ġodda ta’ xogħol li jħallsu pagi aħjar.

Dan sabiex finalment il-poplu jkollu ħajja aħjar f’pajjiżna fejn il-familji jkunu jistgħu jlaħħqu sal-aħħar tax-xahar u mhux igawdu l-ftit – bħalma rajna fl-aħħar ġimgħat bil-każ tal-mara ta’ Clayton Bartolo, u bil-każ tal-irmiġġi f’Għawdex.

Waqt l-iskambju tal-awguri tal-Milied, diversi persuni rringrazzjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-ħidma bla waqfien li għamel din is-sena fejn fost l-oħrajn il-Partit Nazzjonalista kompla bl-appelli kontinwi sabiex il-Gvern ta’ Robert Abela jġib lura l-€400 miljun li nsteraq il-poplu Malti u Għawdxi fid-deal frawdolenti ma’ Vitals u Steward filwaqt li rringrazzjawħ ukoll tal-pressjoni li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ protesti sabiex ma’ jħallix lil poplu jibqa’ jinsteraq.

Oħrajn awgurawlu wkoll għal aktar suċċessi matul is-sena li ġejja, fejn il-PN mistenni jkompli jibni fuq ir-riżultat elettorali pożittiv ta’ Ġunju li għadda.

Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem u jkun il-vuċi tal-poplu sabiex tirrenja l-governanza tajba f’pajjiżna u jkun gvern alternattiv – b’ideat friski għal pajjiżna. Gvern ġdid li verament iġġib l-poplu Malti u Għawdxi l-ewwel u qabel kollox.