Analiżi ġdida li ħarġet mid-ditta KPMG turi li l-għoli tal-ħajja f’Malta qed jaffettwa b’mod sproporzjonat lil dawk il-familji li huma f’riskju ta’ faqar. Dan minħabba iż-żieda fil-prezzijiet ta’ oġġetti li jiġu ikkunsmati ta’ kuljum.
Ir-rapport sab li mill-2019 sa nofs l-2024, familji bi dħul baxx ġew affettwati aktar minn dawk bi dħul għoli, bl-eċċezzjoni tal-perjodu bejn Marzu u Diċembru tal-2021 meta l-inflazzjoni bdiet tiżdied sew wara li r-rata qabżet it-2%.
Bil-KPMG tiddeskrivi dan il-fenomenu bħala “inugwaljanza fl-inflazzjoni”, fejn gruppi bi dħul aktar baxx esperjenzaw rati ta’ inflazzjoni kważi punt perċentwali ogħla mill-familji meqjusa aktar sinjuri. Ir-rati ta’ inflazzjoni f’Malta stabilizzaw b’mod sinifikanti fl-aħħar xhur, b’rata ta’ għoli tal-ħajja li tinsab fil-livell ta’ 2.2%.
Iż-żieda fl-għoli tal-ħajja qed tiġi kunsidrata bħala waħda mill-aktar kwistjonijiet urġenti fil-pajjiż, fejn iż-żieda fl-ispejjeż toffri tal-akbar inkwiet għall-familji fuq livell personali. Dan apparti li l-għoli tal-ħajja qed taffetwa wkoll servizzi oħrajn – mhux b’inqas l-ikel li nikkunsmaw fl-istabbilimenti, meta noħorġu.
Għallkemm l-Gvern kien qal li kellu jipprova jtaffi l-impatt tal-inflazzjoni permezz tal-iskema Stabbiltà sa issa għadu mhux ċar l-effett tal-iskema nnifisha.
Li hu żgur hu…li sal-lum diversi ħaddiema, anzjani u anke koppji żgħażagħ għadhom qed iħossu d-daqqa tal-għoli tal-ħajja kull darba li jagħmlu x-xirja tagħhom.