Lokali

“Għal darba oħra l-Gvern Laburista daħak bil-bdiewa u r-raħħala” – PN

Il-Gvern Laburista reġa’ daħak bil-bdiewa u r-raħħala.

Ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina saħaq fuq kif numru ta’ bdiewa u raħħala li kienu applikaw għal fondi Ewropej biex iwettqu għadd ta’ proġetti – u li kien intqalilhom li se jingħataw 50% tal-ispejjeż tagħhom – issa qalulhom li l-fondi li se jingħataw se jkunu ferm inqas minn dak li kienu mwiegħda u li l-ispejjeż li se jkollhom se jkunu ferm aktar milli pproġettaw.

L-iskema li l-bdiewa u r-raħħala applikaw għaliha f’Ġunju li għadda hija taħt l-hekk imsejħa “Miżura ta’ Investiment Simplifikata” u bil-fondi tal-Unjoni Ewropea kienu se jiffinanzjaw ix-xiri ta’ inġenji u apparat agrikolu professjonali ta’ kwalità. Imma wara li issa l-bdiewa rċivew ir-riżultat tal-applikazzjonijiet tagħhom, skoprew li se jieħdu ammont ferm inqas li jkopri biss nofs l-ispejjeż għal makkinarju inferjuri li ma jgħoddx għall-bidwi kummerċjali.

Dan ifisser li wara li ħafna bdiewa għamlu l-kuraġġ biex japplikaw biex ikunu jistgħu jinvestu u jtejbu l-operat taghhom, spiċċaw baqgħu b’xiber imnieħer bi skema li tinċentiva biss xiri ta’ kwalità inferjuri.

Il-bdiewa u r-raħħala tagħna jagħmlu sagrifiċċji kbar biex mhux biss jipprovdu għall-familji tagħhom imma wkoll biex iwasslu prodott ġenwin lill-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern isib soluzzjoni għal din it-taħwida li ħoloq hu stess biex kemm jista’ jkun malajr il-bdiewa u r-raħħala jkunu jistgħu jinvestu fil-proġetti tagħhom u mhux jispiċċaw ikkastigati minħabba l-inkompetenza tal-Gvern.

Il-Gvern Laburista diġà għaffiġha meta ftit tal-ġimgħat ilu f’sejħa oħra ta’ fondi għall-ipproċesssar fis-settur agrikolu, il-Gvern stess spiċċa jikkompeti mal-bidwi u raħħal ġenwin bir-riżultat li ħalliehom b’idejhom vojta.

Il-bdiewa u r-raħħala ġenwini jridu Gvern li jifhimhom u jgħinhom u mhux li jikkompeti magħhom u jtellifhom il-fondi għall-finanzjament ta’ proġetti tant essenzjali għall-operat tagħhom.