Il-President tar-Rumanija Klaus Iohannis innomina lill-Prim Ministru Rumen preżenti, Marcel Ciolacu, biex imexxi Gvern ġdid ta’ koalizzjoni li hu sostenitur tal-Unjoni Ewropea. Dan wara li l-Ogħla Qorti Rumena annullat ir-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali f’dan il-pajjiż Ewropew tal-lvant.
Il-President Iohannis, wara konsultazzjonijiet mal-partiti politiċi Rumeni, ikkonferma li Ciolacu, tal-Partit Soċjal Demokratiku (PSD) u l-Gvern ġdid, issa, għandhom il-mandat biex itemmu l-kriżi politika fit-tul tar-Rumanija.
Ciolacu, li l-partit tiegħu spiċċa l-akbar entità politika fl-elezzjoni parlamentari tal-Ewwel ta’ Diċembru, ilu fil-kariga ta’ Prim Ministru minn Ġunju tas-sena l-oħra.
Sadanittant, il-konferma tal-Gvern ta’ koalizzjoni mmexxi minnu qed titqies bħala tattika politika intiża biex il-politiċi estremisti tal-lemin jibqgħu miċħuda mill-poter. Dan wara li l-estremisti żiedu r-rappreżentanza fil-Parlament grazzi għall-aġenda fit-tul kontra l-Establishment politiku f’Bukarest.
//= $special ?>