Internazzjonali

L-attakk fuq il-Christmas Market fil-Ġermanja: Injorati t-twissijiet minn qabel dwar l-aggressur

L-awtoritajiet fl-Arabja Sawdija qed jagħmlu minn kollox possibbli biex jipprovdu lill-Ġermanja b’kull tip ta’ informazzjoni dwar it-tabib terrorista, ta’ nisel Sawdi, li matul il-lejl tal-Ġimgħa saq karozza għal fuq il-folol tan-nies li kienu qed jiddevertu fost l-attivitajiet relatati ma’ Christmas Market u fejn inqatlu ħamsa, inkluż tfajjel ċkejken.

L-attakk seħħ fil-belt ta’ Magdeburg u rriżulta anki f’għexieren ta’ midruba li wħud minnhom għadhom fil-periklu tal-mewt, Dan ukoll meta l-poplu Ġermaniż bilkemm għadu stejqer mix-xokk tat-terrur – bl-awtoritajiet Sawdi qed iwiegħdu biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-investigaturi Ġermaniżi waqt li jgħaddulhom id-data kollha relatata mat-tabib li issa hu identifikat bħala Taleb al-Abdulmohsen.

Intant, hemm ħafna fatturi kontroversjali relatati mat-terrur f’Magdeburg meta l-Ministeru Sawdi għall-Affarijiet Barranin, qabel, kien wissa lill-Gvern Ġermaniż dwar il-fehmiet estremisti u perikolużi ta’ al-Abdulmohsen li fl-2006, kien emigra mill-Arabja Sawdija lejn il-Ġermanja. It-tabib, fil-preżent, qed jinżamm taħt arrest waqt li l-pulizija qed tibni profil dwaru u l-aħħar movimenti tiegħu qabel l-attakk.

Is-Sawdi, issa, żvelaw li kienu bagħtu t-twissijiet magħrufin bħala ‘Noti Verbali’ – bi tlieta jkunu indirizzati lill-aġenziji għas-servizzi sigrieti tal-Ġermanja u bl-oħra tintbagħat lill-Ministeru ta’ Berlin għall-Affarijiet Barranin. Dan ukoll meta s-Sawdi, illum, qegħdin jgħidu li ma kien hemm l-ebda tweġiba min-naħa tal-Ġermanja.

Parti mill-ispjegazzjoni għal dan il-fattur tista’ tkun relatata mal-fatt li t-tabib kien emigra lejn il-Ġermanja għaxar snin qabel l-eks-Kanċillier Angela Merkel fetħet il-fruntieri ta’ pajjiżha biex tippermetti r-rilokazzjoni (f’pajjiżha) ta’ aktar minn miljun immigrant mil-Lvant Nofsani.

Filwaqt li t-tabib terrorista għadu ma speċifikax l-iskop eżatt wara l-qtil u feriment tal-massa, il-każ tiegħu hu wieħed kurjuż peress li hu dejjem ippreżenta ruħu bħala anti-Islamiku ferventi, avolja ġej minn pajjiż fejn l-Islam hu l-uniku reliġjon li jista’ ikun ipprattikat fil-pubbliku.

Fl-istess ħin, fil-każ ta’ al-Abdulmohsen, qed jidhru dejjem aktar ċari n-nuqqasijiet fis-sistemi tas-sorveljanza min-naħa tal-awtoritajiet Ġermaniżi – kemm tal-Istat u anki fuq livell federali .

Dan għaliex minkejja li jista’ hemm diversi raġunijiet għalfejn huma ma weġbux għat-twissijiet tal-Arabja Sawdija, kien hemm l-indikazzjonijiet sinifikanti minn qabel li t-tabib kien ta’ periklu partikulari għas-soċjetà Ġermaniża.