Kitba ta’ Joe Cassar
“Jiena m’iniex ġejja l-ikla biex niffranka l-ikel jew it-tisjir mid-dar, imma ġejja biex għall-inqas f’Jum il-Milied nitbiegħed naqra mis-solitudni u nsib ftit kumpanija f’atmosfera sabiħa. Lili tistgħu tħalluni bil-ġuħ, u ngħidilkom minn issa li se nkun qiegħda nagħtikom ukoll donazzjoni dakinhar. Għax jiena m’iniex ġejja biex niekol, lili tistgħu tħalluni bil-ġuħ jekk tridu. Jiena ġejja biex insib ftit kumpanija u jekk nara persuna li ma tkun qed titkellem ma’ ħadd, immur fuqha u nkellimha jien.”
Hekk stqarret Marija (isem fittizju) meta fil-jiem li għaddew ċemplet lil rappreżentanta ta’ Caritas Malta biex tinkiteb għall-ikla annwali ta’ Jum il-Milied li l-Caritas ilha torganizza fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana għal dawn l-aħħar għaxar snin.
Għal din l-ikla mistennija jattendu mijiet ta’ persuni, xi wħud minnhom għaliex huma batuti finanzjarjament u ma jaffordjawx ikla xi ftit speċjali f’din il-festa tant mistennija, u oħrajn li, bħal Marija, jgħixu fis-solitudni. U għal dawk li jgħixu weħidhom, is-solitudni f’jum bħal dan tweġġa’ aktar mis-soltu.
Ilbieraħ filgħodu ltqajt ma’ Marija u staqsejtha għaliex ħasset il-bżonn li fil-Milied tinqala’ minn darha biex tkun mal-grupp kbir li jinġabar sa minn kmieni fil-Kurja tal-Arċisqof f’Jum il-Milied, nhar l-Erbgħa li ġej.
Marija qaltli li hi fil-fatt mhijiex weħidha għalkollox għax għandha tlett itfal, imma dawn kollha jgħixu u jaħdmu barra l-pajjiż, u mhux kull sena jirnexxilhom jiġu jarawha fil-jiem tal-Milied. “Ma nlumhomx, għax kollha għandhom il-familji tagħhom, kollha għandhom l-ulied, u x-xogħol tagħhom ma jippermettilhomx dejjem li jsiefru f’dawn il-jiem.”
Madankollu qaltli li n-nuqqas tagħhom, issa li għalqet it-80 sena u fil-pandemija tal-Covid-19 tilfet ukoll lil żewġha, tħossu wisq f’dawn il-ġranet. “Is-solitudni tweġġa’ dejjem, imma f’dawn il-jiem inħossha aktar u aktar. Meta nkun waħdi jitla’ fil-memorja tiegħi l-Milied ta’ tfuliti, imdawra mal-familja għand in-nanna, zijiet, kuġini, nifirħu bir-rigali anki jekk ikunu sempliċi, u nistennew it-tisjir tradizzjonali tan-nanna, xi dixx imqarrun il-forn, il-qastan, il-qagħaq tal-għasel u l-imbuljuta. In-nannu inzerta wkoll kok mas-servizzi u għalhekk konna nieklu tajjeb żgur.”
Illum, tgħid Marija, iċ-ċirkostanzi ta’ ħajjitha nbidlu għalkollox. “Illum is-solitudni tweġġagħni. Nipprova nara x’nagħmel matul il-ġurnata biex il-ħin jgħaddi, imma jum wara l-ieħor, minn filgħodu sa filgħaxija, kemm se ssib x’tagħmel? B’xi mod, insomma, il-ġurnata tgħaddi, imma mbagħad li tqatta’ Jum il-Milied waħdek ukoll, inħossha kiefra wisq. Għalhekk dis-sena ddeċidejt li mmur il-Kurja u nitħallat man-nies.”
Marija qaltli li minkejja li tgħix weħidha, għandha karattru ferrieħi u kapaċi taqbad titkellem ma’ dak li jkun faċilment. “Jekk nhar l-Erbgħa nara li hemm persuna fuq l-istess mejda miegħi li m’għandhiex kumpanija għax tkun weħidha bħali, jekk ma tkellimnix hi se mmur fuqha u nkellimha jien u jekk naraha xi ftit imdejqa se nipprova nallegraha u jekk ikun hemm il-mużika u l-ispazju nista’ anki noħroġ niżfen xi ftit ukoll, jekk jippermettuli saqajja dakinhar. Jiena ma nikolx ħafna, u kapaċi nieħu gost anki jekk ma niekol xejn, imma se mmur għall-kumpanija u għall-atmosfera ferrieħa li żgur se jkun hemm.”
Tlabt lil Marija tagħmel appell lil dawk li bħalha jgħixu ftit jew wisq fis-solitudni. “Ngħidilhom biex ma jaqtgħux qalbhom. L-ewwel pass għandhom jagħmluh huma bħalma għamilt jien meta ċempilt il-Caritas. Jekk għandhom xi ħbieb jaraw li jċemplulhom huma fil-Milied u mhux joqogħdu jistennew it-telefonata tagħhom, li forsi tibqa’ ma tasalx.”
Marija qaltli li l-jum tal-Erbgħa qed tistennieh b’ħerqa. “Qed nitlob ’l Alla biex ma nqumx ma niflaħx dakinhar. Mill-bqija m’għandix problemi għax tal-Caritas kienu ġenerużi miegħi tant li mhux biss aċċettawni mill-ewwel fil-lista tagħhom imma wegħduni li se jippruvaw jipprovduli wkoll it-trasport minn wara l-bieb ta’ dari u lura peress li m’għandix min iwassalni. Kuntenta ħafna li f’dan il-Milied mhux se nkun waħdi.”
//= $special ?>