Raġel ta’ 39 sena residenti r-Rabat ingħata l-pleġġ mill-Maġistrat Abigail Critien wara li wieġeb mhux ħati li ħebb għas-sieħba tiegħu. Huwa nħeles mill-arrest wara li l-Qorti semgħet lis-sieħba tiegħu tgħid li riedet twaqqa’ l-każ għax riedet familja magħquda, speċjalment issa li ninsabu fl-ispirtu tal-Milied.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif il-vittma marret tagħmel rapport u r-risk assessment li rriżulta bħala wieħed gravi. Meta l-pulizija marru jarrestaw il-vittma hi bidlet fehmta u qaltilhom li tixtieq twaqqaf il-proċeduri. Minkejja dan ir-raġel xorta spiċċa arrestat.
Il-mara talbet li tixhed fil-Qorti fejn qalet li riedet twaqqa’ l-akkużi u taħfirlu għax tixtieq familja magħquda. Spjegat li binhom ta’ erba’ snin kien iddispjaċut ħafna li missieru ma kienx id-dar u tixtieq li jkunu familja magħquda għall-Milied.
Il-Maġistrat Critien staqsietha għandhiex bżonn iktar ħin biex taħsiba bil-vittma tirrispondi fil-pożittiv. Kien għalhekk li l-Maġistrat Critien ipposponiet id-deċiżjoni biex l-allegata vittma terġa’ taħsibha u jkollha ċans tikkonsulta ma’ avukat.
Id-difiża talbet li l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest anke minħabba li għandu xogħol stabbli. Il-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx u ssuġġeriet li l-akkużat jgħix f’residenza alternattiva. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti akkordat il-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000.
Mal-għoti tas-sentenza l-vittma dehret tibki fl-awla u qalet li ddispjaċiha li ddeċidiet li tingħata l-ħin biex taħsibha. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri waqt li għall-akkużat deher l-Avukat Victor Bugeja.
//= $special ?>