Sport

Rebbieħa tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar ta’ Novembru

Jake Castaldi u Dielyn Edwards tal-Blackball flimkien ma’ Mattea Saliba, Squash, huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar ta’ Novembru organizzat mill-Għaqda Ġurnalisti Sports

Jack Castaldi li jagħlaq 15-il sena f’Jannar li ġej u Dielyn Edwards li għandu 14-il sena, rebħu l-kategorija tad-doubles ta’ taħt il-15-il sena, fil-Kampjonati Dinjija tal-Blackball 2024.

Fil-finali, Castaldi u Edwards lagħbu kontra Marcel Kusa u Riley Patterson mill-Irlanda ta’ Fuq. Castaldi u Edwards kienu bosta drabi fil-vantaġġ. Minkejja li l-Irlandiżi baqgħu fil-logħba, eventwalment il-Maltin rebħu l-finali 6-5.

Min-naħa l-oħra, iċ-champion tal-isquash Mattea Saliba li għandha 14-il sena, rebħet il-Girls Under 15 Irish Junior Open Tournament li sar f’Dublin fejn rebħet il-logħbiet kollha. Dan kien il-ħames titlu Ewropew għall-2024 u li għandha titla’ fil-post numru 7 fir-ranking Ewropew ta’ taħt il-15-il sena. 

Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lir-rebbieħa saret minn Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali u Kap Eżekuttiv ta’ Atlas Insurance; flimkien mal-Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Stephen Azzopardi. Qabel din il-preżentazzjoni, il-plejer tat-tennis Alex Degabriele kien ppreżentat bit-trofew bħala wieħed mir-rebbieħa għax-xahar ta’ Lulju.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance.