Lokali Qorti

Żagħżugħ jinżamm arrestat wara li allegatament inqabad b’ruxxmata droga

Żagħżugħ ta’ 19-il sena mir-Rabat inżamm arrestat wara li nqabad fil-pussess ta’ seba’ tipi differenti ta’ droga, allegatament sabiex tinbiegħ. Sasha Micallef spiċċa arrestat il-Ħadd li għadda filgħodu, waqt li l-Pulizija kienu fuq ronda fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil.

Huma nnotaw tliet żgħażagħ ipejpu joint u meta saret tfittxija fuqhom, irriżulta li Micallef kellu fil-pussess tiegħu droga cannabis, ecstasy, magic mushrooms, droga psikoattiva, miżien elettroniku, madwar €1,100 fi flus kontanti u sikkina kbira.

Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati u talab għal ħelsien mill-arrest. Dwar it-talba, l-avukat difensur qal li żagħżugħ huwa bravissimu, anzi meqjus bħala ġenju, għadu qed jistudja u jkun żball għall-futur tiegħu jekk il-Qorti titfgħu l-ħabs.

Minn naħa l-oħra, il-prosekuzzjoni qalet li hemm il-biża reali ta’ intralċ ta’ provi filwaqt li Micallef ma kkoperax mal-pulizija meta ntalab il-password tal-mobile. Il-Qorti ċaħdet il-libertà proviżorja minħabba li ż-żagħżugħ instab f’pussess kbir ta’ droga.

Il-Qorti rrakomandat ukoll lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jagħti l-għajnuna neċessarja lill-imputat sabiex jindirizza l-vizzju tad-droga filwaqt li ħarġet ordni ta’ qbid u ffriżar fuq l-assi kollha tiegħu.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Warren Galea flimkien mal-Avukat Nadia Ciappara f’isem l-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat deher l-Avukat Alex Miruzzi.